Ilbieraħ, il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista tal-Belt Valletta ħarġu ’l barra minn laqgħa tal-Kunsill Lokali li ġiet imsejħa b’urġenza mis-Segretarju Eżekuttiv fuq struzzjonijiet tas-Sindku Laburista Olaf McKay fid-dawl ta’ diversi akkużi serji li qed isiru, fost l-oħrajn mill-Viċi Sindku Laburista Alfred Zammit.
Qabel saret il-laqgħa, li kienet imsejħa b’urġenza nhar il-Ġimgħa fl-10pm, l-Eks Sindku Laburista tal-Belt Alfred Zammit wissa pubblikament fuq il-midja soċjali li ma kienx se jattendi għal-laqgħa bi protesta. Dan minħabba dak li huwa sejjaħ “xhieda mhux veritiera taħt ġurament minn membri tal-Kunsill u akkużi ta’ kunflitt ta’ interess vis-a-vis it-tender tar-restawr tal-faccata tal-Knisja ta’ San Pawl mill-Arcipriet tal-Parroċċa Pawlina.”
Kien l-istess Viċi Sindku li sostna li bħalissa l-operat tal-Kunsill “mhux business as usual” waqt li qal li din il-laqgħa kienet issejħet b’urġenza biex il-finanzi tal-Kunsill għall-2024 ikunu approvati bl-għaġġla u skont hu “f’paniku”. Zammit qal li kien qed jistenna li l-awtoritajiet jinvestigaw.
Qabel ma ħarġu ’l barra mil-laqgħa, il-Kunsillieri tal-PN talbu b’insistenza li dawk il-kunsillieri li fuqhom inġiebu dawn l-akkużi jersqu ’l quddiem u jagħtu spjegazzjoni ċara. Fl-istess waqt, insistew li immedjatament tibda investigazzjoni dwar dawn l-allegazzjonijiet. Dan biex joħorġu l-fatti kollha kif inhuma.
L-akkużi li qed jiġu allegati huma ta’ natura serja u ma jistgħux jiġu injorati. Il-Kunsillieri Nazzjonalisti tal-Belt Valletta ma jistgħux jagħlqu għajnejhom għal dak li jolqot l-integrità u l-governanza tal-Kunsill Lokali. Huwa fid-dmir tal-Kunsillieri Lokali kollha li jassiguraw trasparenza sħiħa u li l-pubbliku jkun infurmat b’mod ċar dwar il-verità wara dawn l-akkużi.
Il-Kunsillieri tal-PN fil-Belt Valletta jinsistu li n-nies għandhom dritt jifhmu għaliex saru dawn l-allegazzjonijiet u x’passi se jittieħdu biex jiġi żgurat li s-sitwazzjoni tiġi indirizzata b’mod xieraq u b’sens ta’ responsabbiltà. Għalhekk, qed jinsistu li l-allegazzjonijiet jiġu diskussi u investigati b’mod immedjat u mingħajr dewmien. Qed jinsistu wkoll li kull materja relatata ma’ finanzjament (ħlief għall-approvazzjoni tal-pagamenti) tiġi mressqa, diskussa u approvata biss wara li dawn l-investigazzjonijiet jingħalqu.
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-governanza tajba u l-integrità tal-Kunsill Lokali għandhom jiġu salvagwardjati u għalhekk jistenna li tittieħed azzjoni immedjata u jkun hemm rispons ċar mill-awtoritajiet u mill-Kunsill b’maġġoranza Laburista.
//= $special ?>