Id-deputati tal-gvern fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi waqqfu lill-Oppożizzjoni milli tagħmel mistoqsijiet u titlob informazzjoni dwar il-kuntratt bejn l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA) u Manchester Utd, partikolarment dwar min huma l-persuni li jmorru Old Trafford jaraw il-logħbiet ta’ Manchester Utd taħt it-termini tal-kuntratt.
Fis-seduta , il-kumitat kompla bl-eżami tar-rapport tal-Awditur Ġenerali Evaluating the role of the Malta Film Commission in Promoting the Maltese Film Industry, kif ukoll tal-kontijiet tal-awtoritajiet statutorji, inkluż organizzazzjonijiet parastatali, li jaqgħu taħt il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Ministeru għal Għawdex għas-snin 2020, 2021, 2022, 2023 u 2024.
Il-Kumitat kien presdut mill-President id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott u għall-Oppożizzjoni pparteċipaw id-deputati Graham Bencini u Claudette Buttigieg waqt li għall-gvern ipparteċipaw id-deputati Alex Muscat, Glenn Bedingfield, Naomi Cachia u Amanda Spiteri Grech.
Quddiem il-Kumitat xehdu Christopher Cutajar, is-Segretarju Permanet fil-Ministeru tat-Turiżmu; u John Borg, is-Segretarju Permamenti għal Għawdex u l-Ippjanar.
Mistoqsi dwar il-lista ta’ konsulenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tat-Turiżmu, Christopher Cutajar, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tat-Turiżmu; qal li ma jidhirlux li d-domonda taqa’ taħt it-terminu tal-investigazzjoni li qed issir fil-PAC. Dwar il-kuntratt ta’ ftehim ma’ Manchester Utd, Christopher Cutajar qal li jrid jikkunsidra l-parametri legali marbuta ma’ dan il-kuntratt qabel iwieġeb. Hu sostna li għandu bżonn parir legali qabel jara jistax jagħti dik l-informazzjoni.
Il-President tal-PAC Darren Carabott talab li jkun ippreżentat dak kollu relatat ma’ dan il-kuntratt bejn l-MTA u Manchester Utd u l-lista ta’ persuni li telgħu Manchester b’konnessjoni ma’ dan il-kuntratt. Christopher Cutajar qal li ma jafx kemm telgħu nies Manchester.
Id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield oġġezzjona għal dawn it-talbiet għal informazzjoni mill-Oppożizzjoni u qal li l-kuntratt għandu jitqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra iżda mhux l-affarijiet oħrajn li mhumiex konnessi man-nefqa pubblika.
Darren Carabott qal li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tinsisti fuq id-domandi tagħha għaliex il-kuntratt jinkludi nefqa pubblika u li kien hemm tqassim ta’ biljetti għal persuni lejn Manchester għaliex dak li sar mill-MTA jew Visit Malta sar minħabba l-ftehim li sar fuq il-bażi ta’ fondi publbiċi.
Il-gvern talab vot biex jitwaqqfu d-domandi li kienet qed tagħmel l-Oppożizzjoni lil Christopher Cutajar partikolarment dawk li jitrattaw min kienu l-persuni li jmorru Manchester. L-erba’ membri tal-gvern ivvotaw favur li jitwaqqfu d-domandi waqt li t-tliet membri tal-Oppożizzjoni vvotaw favur li jibqgħu jsiru d-domandi. Għalhekk id-domandi ma baqgħux isiru.
John Borg, is-Segretarju Permamenti għal Għawdex u l-Ippjanar, kien mistoqsi dwar il-kontijiet pubbliċi skont ir-rapport tal-NAO u d-direct orders li jingħataw, iżda l-membri tal-gvern oġġezzjonaw għal din il-mistoqsija. Is-Segretarju Permanenti qal li hu ma kienx ppreparat biex iwieġeb dawn il-mistoqsijiet għax skont hu t-talba għall-investigazzjoni ma tkoprix il-Ministeru għal Għawdex.
Mistoqsi dwar il-konsulenti ngaġġati mal-Ministeru għal Għawdex, John Borg qal li hu m’għandux il-kompetenza li jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari. Hu kien mistoqsi jekk kienx hemm persuni ingaġġati mal-industrija tal-films u wieġeb li l-konuslenti jwieġbu dirett lill-Ministru għal Għawdex u jinħatru skont il-manwal. Il-membri tal-gvern oġġezzjonaw għal din il-mistoqsija.
Il-kumitat aġġorna għal nhar it-Tlieta li ġej.
//= $special ?>