Lokali Parlament

Il-Gvern Laburista se jieħu d-dritt liċ-ċittadin li jmur quddiem maġistrat u jiftaħ inkjesta

Adrian Delia, PN

Ix-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia qal fil-Parlament li, bl-emendi dwar l-inkjesti, il-gvern se jieħu d-dritt liċ-ċittadin li jmur quddiem maġistrat u jiftaħ inkjesta

Adrian Delia rringrazzja lill-membri tal-Korp tal-Pulizija għall-ħidma tagħhom u qal li l-PN m’għandux fiduċja fil-Kummissarju tal-Pulizija preżenti għax ma jinvestigax il-korruzzjoni.

Mhuwiex minnu li l-Kummissarju ma jinħatarx mill-Prim Ministru kif qed jgħid il-gvern, sostna Adrian Delia, li qal li minkejja li kien ikkomunika mal-Kummissarju, l-istess Kummissarju baqa’ ma investigax il-każ tas-serqa ta’ €400 mill-isptarijiet. Għalhekk il-PN m’għandux fiduċja fil-Kummissarju tal-Pulizija.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li fl-aħħar indiċi tal-korruzzjoni, Malta niżlet fl-iktar livell baxx fil-korruzzjoni fil-pajjiż. Ma jirriżultax li l-miżuri li jrid idaħħal il-gvern saru fuq rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja. Dan jirriżulta mil-liġi stess fl-għanijiet u l-iskopijiet tagħha.

Adrian Delia kompla li issa l-gvern donnu skopra l-emerġenza li jagħmel din il-liġi; proprju minħabba Jason Azzopardi li qed jitlob li qed jitlob li jinfetħu l-inkjesti.

Fih innifsu dan l-argument hu ħażin għaliex il-liġijiet ma jsirux minħabba persuna iżda biex isir il-ġid għas-soċjetà. Għaliex din l-għaġġla kollha? X’ġara biex din il-liġi trid tgħaddi b’din l-għaġġla kollha? Din il-liġi qed issir għaliex Robert Abela jrid jiddefendi lil ta’ madwaru. Aktar u aktar meta dan hu gvern li ħataf l-istituzzjonijiet fosthom l-Avukat Ġenerali, l-Avukat tal-Istat u l-Kummissarju tal-Pulizija.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li issa jonqos li l-gvern jipprova jaħtaf il-qrati billi jaħtfilhom l-aċċess li ċ-ċittadin għandu għall-qrati. Minn min qed jisma’ l-gvern?, staqsa Adrian Delia, li kompla li l-gvern attakka lil dawk kollha li kkritikaw din il-liġi għax għall-gvern, il-kritika hi reat.

Adrian Delia semma’ l-Ombudsman, li hu maħtur bit-2/3 tal-Parlament, u qal li f’dokument tal-Ombudsman dwar il-ħabs fejn stabbilixxa trattament diżuman fil-Ħabs. Anki hawn il-Prim Ministru ħareġ jattakka lill-Ombudsman flok ġiegħel lill-Ministru tal-Intern biex jirriżenja. Dan wassal biex l-Ombdsman ħass li kellu jwieġeb lill-Prim Ministru.

Adrian Delia qal li inkjesta maġisterjali hi l-preservazzjoni tal-provi u sostna li din il-liġi se tneħħi wieħed mid-drititjiet taċ-ċittadini, dak li jmur quddiem maġistrat iżda bilfors irid imur għand il-Pulizija. Bil-liġi llum, il-maġistrat hux bilfors irid jiftaħ inkjesta iżda jrid jistħarreġ jekk isirx dan.

Ix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kompla li l-gvern irid li jkun iċ-ċittadin li jiġbor il-provi u fakkar li dan mhuwiex pajjiż normali; għalhekk iċ-ċittadin ma jistax imur għand il-Kummissarju tal-Pulizija.

Hu semma’ l-każ ta’ Christian Borg, li kien liberat għax il-Pulizija m’għamlux xogħolhom u ma ġabux il-provi. Jekk xi ħadd irid imexxi kontra l-Kummissarju tal-Pulizija, kif jista’ jsir dan?

Adrian Delia kompla li din il-liġi hi perikoluża għaliex hi retroattiva fuq l-inkjesti maġisterjali li għadhom miftuħa.