Lokali

“Il-Gvern tefa’ lil kulħadd fit-traffiku u għalaq għajnejh” – Il-PN

Abela ma jista’ qatt jifhem dak li eluf ta’ Maltin u Għawdxin jiffaċċjaw kuljum

M’hemm bżonn tal-ebda studju biex jikkonferma dak li kulħadd jaf. M’hemm bżonn tal-ebda stħarriġ biex jikkonferma r-realtà li jgħixu ta’ kuljum eluf ta’ Maltin u Għawdxin.

Il-Gvern ta’ Robert Abela u ta’ qablu ħolqu l-problema tat-traffiku u issa għalqu għajnejhom għat-tbatijiet tan-nies.

Il-Maltin ta’ kuljum qed jaħlu sigħat twal fil-karozzi tagħhom, imwaħħlin u frustrati, għax dan il-Gvern li suppost qed imexxi lil pajjiżna, jagħmel kollox bla pjan ta’ xejn.

Kien dan li qal ix-Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbiltà, Mark Anthony Sammut fi stqarrija maħruġa f’isem il-Partit Nazzjonalista fejn kompla jgħid li m’hemmx bżonn studji biex jgħidulna dak li diġà nafu, għax kull meta noħorġu minn djarna nsibu ma’ wiċċna staġnar u dħaħen. Imma stħarriġ tat-Times of Malta jikkonferma dan kollu u jpoġġi t-traffiku, il-problema ta’ parkeġġ u n-nuqqas ta’ trasport pubbliku li tista’ toqgħod fuqu bħala l-akbar problema li għandu l-pajjiż u li għandhom il-maġġoranza tan-nies.

Kważi erba’ snin ilu, ftit xhur qabel elezzjoni ġenerali, il-Labour ippreżenta l-proġett tal-Metrò. Biex għamel dan nefaq aktar minn żewġ miljun ewro mit-taxxi tagħna. Kif għaddiet l-elezzjoni, remieh. Robert Abela u sħabu kienu jafu li dan il-prpġett qatt ma kienu se jwettquh. Imma kienu komdi jarmu flus il-poplu biex ibellgħuhielu li kienu se jagħmlu proġett li kien se jsolvi l-problemi kollha. Daħqu bin-nies bi flushom stess.

Issa għandna sitwazzjoni fejn it-traffiku mhux biss qed joħloq frustrazzjoni u rabja, imma qed iwassal ukoll għal stress u ansjetà. Dan minbarra li t-traffiku qed ikompli jżid it-tniġġis tal-arja f’pajjiżna b’effetti ħżiena fuq saħħitna, apparti l-impatt negattiv li qed iħalli wkoll fuq l-ekonomija tal-pajjiż.

Huwa ċar daqs il-kristall li anke fejn jidħol it-trasport, dan hu Gvern tad-dilettanti. Ħonoq it-toroq bil-karozzi, ħareġ liċenzji bl-addoċċ, ħalla servizz tat-trasport pubbliku li mhux kapaċi jaqdi l-bżonnijiet bażiċi tal-Maltin, u wikka lill-Għawdxin b’vapur medjokri li għalih qed inħallsu miljuni kbar.

Jidher li l-Prim Ministru mhux qed jeħel fit-traffiku bħalma jagħmel kwalunkwe ċittadin ieħor kuljum. Ma jista’ qatt jifhem dak li jiffaċċjaw mijiet ta’ eluf ta’ persuni kull ġurnata li tgħaddi minħabba l-inkompetenza tiegħu.

Pajjiżna jeħtieġ pjan serju għat-trasport. Il-Partit Nazzjonalista għandu s-soluzzjonijiet għal dan:

·          Tiġi implimentata sistema tat-trasport effiċjenti tal-massa

·          Ikun inċentivat l-użu u tittejjeb l-infrastruttura għal trasport alternattiv bħar-rota u oħrajn

·          Xogħlijiet tat-toroq isiru b’mod ippjanat u kkordinat biex ma joħolqux konġestjoni

·          Meta triq tinqala’ jsiru x-xogħlijiet kollha meħtieġa biex ma terġax tinqala’ wara ftit żmien

·          Inċentivi għal min jiddeċiedi li jċedi l-karozza tiegħu għal numru ta’ snin biex juża t-trasport alternattiv

L-istess stħarriġ tat-Times jikkonferma wkoll kemm il-Partit Nazzjonalista qed jifhem il-weġgħat tan-nies hekk kif il-ġurnal ipoġġi l-għoli tal-ħajja bħala t-tieni l-aktar problema komuni li qed tolqot lill-Maltin u l-Għawdxin. Mhux ta’ b’xejn li ntlaqgħu tajjeb is-soluzzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista f’dan ir-rigward meta fil-Parlament il-ġimgħa l-oħra ressaq Mozzjoni biex il-Kamra tindirizza l-kriżi tal-għoli tal-ħajja li qed teffettwa ħafna familji.

Mozzjoni li sfortunatament il-Gvern għamel minn kollox biex iħassar, u wera kemm jinsab maqtugħ mir-realtajiet tal-ħaddiema bil-paga, iż-żgħażagħ, l-anzjani u l-pensjonanti li jiddependu fuq il-benefiċċji soċjali, min iħaddem, in-negozji ż-żgħar u medji, u s-self-employed.

Ħaddieħor ħoloq il-problemi. U min ħoloq il-problemi ma jistax isolvihom.

Il-Partit Nazzjonalista qed jaħdem biex joffri s-soluzzjonijiet fl-oqsma li l-aktar li qed jinkwetaw lill-Maltin u l-Għawdxin.