Ewropa Lokali

Il-Kap tal-PN jipparteċipa fis-Summit dwar l-Ukrajna

Ritratt: Martin Agius

Hekk kif il-gwerra fl-Ukrajna se tagħlaq tliet snin mill-bidu tagħha, il-Partit Popolari Ewropew laqqa’ summit urġenti bit-tama li jinstabu soluzzjonijiet għat-tmiem ta’ din il-gwerra.

F’dan is-summit ipparteċipa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech permezz ta’ video conferencing.

Infatti f’post fuq il-midja soċjali l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sostna li l-Ewropa għandha rwol kruċjali biex mill-ġdid ikun hawn il-paċi, is-sigurtà u l-libertà fir-reġjun Ewropew – valuri li l-UE minn dejjem kienet tħaddan u tagħtihom importanza.

Matul dan is-summit tkellmu numru ta’ mexxejja li lkoll appellaw li wasal iż-żmien li tirrenja l-paċi fl-Ukrajna wara snin ta’ gwerra mar-Russja. Intqal ukoll li jekk l-Istati Uniti se twaqqaf l-għajnuna li kienet qed tingħata lill-Ukrajna, l-Ewropa se tagħmel tajjeb għal dan.

Is-summit tal-EPP tlaqqa’ wara l-konferenza urġenti li ssejħet f’Pariġi fil-bidu tal-ġimgħa… fejn intqal li l-interessi tal-Ukrajna huma l-interessi tal-Ewropa. U għalhekk l-Ukrajna għandha tkun inkluża f’kull diskussjoni li ssir.

Il-mexxeja Ewropej sostnew ukoll li l-Ewropa biss tista’ tipprovdi futur ekonomiku b’saħħtu lill-Ukrajna.

Il-President tal-Ukrajna Volodomyr Zelensky ma kienx preżenti għal dan is-summit, però kellu laqgħa mal-President ta’ Franza Emmanuel Macron fejn twassal il-messaġġ li jekk jintlaħaq il-paċi… dan għandu jservi fit-tul. Zelensky qal ukoll li jekk il-waqfien mill-ġlied ikun wieħed fraġli jista’ jwassal għal gwerra akbar bejn ir-Russja u l-Ukrajna kif ukoll pajjiżi oħra Ewropej.