Kunsilli Lokali Lokali

Il-Kunsillieri Nazzjonalisti tal-Belt Valletta jappellaw għat-trasparenza

Il-kunsillieri f’isem il-Partit Nazzjonalista fil-Belt Valletta qed jappellaw għat-trasparenza wara li fl-aħħar jiem kompliet teskala s-sitwazzjoni qalb il-Kunsillieri Laburisti.

Matul il-jum tat-Tnejn saret laqgħa b’urġenza. Bil-Viċi Sindku Laburista tal-Belt Valletta Alfred Zammit spiċċa ma jattendix. U qed jallega li l-Kunsill jinsab f’sitwazzjoni ta’ paniku.

Alfred Zammit insista li l-operat tal-Kunsill mhux business as usual u huwa għalhekk li għażel li ma jattendix għal din il-laqgħa.

Il-battibekki fil-Kunsill tal-Belt komplew jeskalaw wara li r-restawr tal-faċċata tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl baqa’ ma bediex u kulħadd spiċċa jġib l-iskużi. Dan il-proġett tant importanti għandu l-appoġġ sħiħ tal-kunsillieri kollha tal-Partit Nazzjonalista fil-Belt Valletta.

It-Tnejn, il-kunsillieri Nazzjonalisti spiċċaw ħarġu minn din il-laqgħa fid-dawl tad-diversi akkużi serji li saru. Dan apparti li nsistew li għandha ssir investigazzjoni b’rabta ma’ dawn l-akkużi.

Qalu wkoll li r-residenti Beltin għandhom dritt ikunu jafu għalfejn saru dawn l-allegazzjonijiet kif ukoll x’passi se jittieħdu biex jiġi żgurat li s-sitwazzjoni tiġi indirizzata b’mod xieraq u b’sens ta’ responsabbiltà.

Għaldaqstant, insistew ukoll li kull materja relatata ma’ finanzjament ħlief għall-approvazzjoni tal-pagamenti tiġi mressqa, diskussa u approvata biss wara li dawn l-investigazzjonijiet jiġu fi tmiemhom.