Lokali Parlament

Il-liġijiet dwar l-impjieg lil persuni b’diżabbiltà għandhom ikunu inforzati

Graziella Galea, PN

Ix-Shadow Minister għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Graziella Galea, qalet fl-Aġġornament tal-Parlament li l-liġijiet dwar l-impjieg lil persuni b’diżabbiltà għandhom ikunu inforzati.

Graziella Galea qalet li l-aċċessibbiltà hi prijorità fil-kuntest tal-ġustizzja soċjali u appellat biex il-binjiet pubbliċi u ta’ ċertu statura kollha jkunu aċċessibbli.

Id-deputat Nazzjonalista semmiet diversi inizjattivi li jistgħu jsiru, fosthom fl-iskejjel, biex l-istudenti jkollhom l-opportunità li jirnexxu. Hi enfasizzat l-importanza tal-edukazzjoni fil-kuntest tal-impjieg li hu indipendenza ekonomika.

L-ambjent tax-xogħol għandu jkun wieħed li jilqa’ u jkun adattat għal kulaħdd. Jeħtieġ li iktar kumpaniji jimpjegaw persuni b’diżabbiltà iżda l-kwotà mhijiex biżżejjed u hawn min ma jwettaqhiex. Sal-aħħar tal-2023 kien hemm 788 kumpanija li ma impjegawx il-kwota ta’ persuni b’diżabbiltà u 795 kumpanija li kienu konformi.

Sal-aħħar tal-2024 kien hemm 367 kumpanija li ħallsu l-multa iżda kien hemm 421 kumpanija li baqgħu ma ħallsux lanqas il-mutla. Hi appellat biex il-persuni b’diżabbiltà jingħataw ix-xogħol li jkun speċifikat għalihom u mhux jingħataw xogħol ieħor li ma jkunx relatat.

Dan jeffettwa ħażin ħafna lill-persuni b’diżabbiltà, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li l-persuni b’diżabbiltà għandhom ikunu involuti fid-deċiżjonijiet.