Internazzjonali

Il-Pakistan: Xokk dwar il-qtil ta’ tifla talli ‘serqet iċ-ċikkulata’

Eluf kbar ta’ Pakistani qed jesprimu rabja kbira dwar l-omiċidju ta’ tifla ta’ 13-il sena – u meta l-Pulizija qed iżżomm koppja suspettata biex tgħin bl-istħarriġ. Il-vittma, li kienet taħdem bħala seftura mal-koppja, kellha titlef ħajjitha talli, allegatament, serqet iċ-ċikkulata u fost l-inidikazzjonijiet li hi ġarrbet il-ġrieħi fatali meta r-raġel u l-mara inkwistjoni bdew isawwtuha bla ħniena.

It-tifla, identifikata biss bl-isem Iqra, mietet l-isptar b’kaġun tal-ġrieħi u bl-investigazzjoni preliminarja tal-Pulizija tiżvela li hi anki kienet spiċċat ittorturata.

Il-każ xokkanti seħħ fil-belt ta’ Rawalpindi, u meta fuq is-siti soċjali qed jiċċirkulaw il-messaġġi bil- hashtag #JusticeforIqra. Messaġġi li qed iżidu fl-għexieren tal-eluf tal-‘views’ fuq l-Internet.

Il-qtil faħxi stimola mill-ġdid id-dibattitu dwar l-abbuż sfaċċat tat-tfal fis-settur tax-xogħol lokali u meta fil-Pakistan ma jonqsux ir-rapporti dwar il-maltrattament tal-ħaddiema domestiċi u b’mod partikulari tal-minorenni.

Il-liġijiet dwar l-inklużjoni tat-tfal fis-settur tax-xogħol ivarjaw madwar il-Pakistan iżda hu illegali biex it-tfal taħt il-15-il sena jispiċċaw impjegati bħala ħaddiema domestiċi fil-provinċja ta’ Punjab.