Lokali

Jiftħu l-applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2025

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) fetaħ l-applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, li jilqa’ kotba ppubblikati fl-2024.

Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb huwa l-aktar premju letterarju prestiġjuż assenjat lil awturi, edituri, tradutturi, pubblikaturi u illustraturi għall-kotba ppubblikati f’Malta s-sena ta’ qabel. Huwa meqjus ukoll bħala riga ta’ kwalità għall-pubblikazzjonijiet Maltin.

Kull ktieb ippubblikat fl-2024 u b’ISBN Malti jista’ jitressaq għal waħda mill-erbatax-il kategorija tal-Premju, u se jiġi evalwat għall-eliġibbiltà minn bord ta’ aġġudikazzjoni indipendenti. Dan il-proċess għandu jwassal għall-pubblikazzjoni ta’ lista sħiħa, segwita minn oħra tal-lista finali fis-26 ta’ Awwissu. Ir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb se jitħabbru fiċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet li se tittella’ fis-26 ta’ Settembru.

Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb qed jilqa’ applikazzjonijiet bil-Malti u bl-Ingliż f’erbatax-il kategorija. Tmienja għall-adulti li jinkludu r-Rumanzi, in-Novelli, il-Poeżija, id-Drama, il-Letteratura mhux Fittizja, Proża Fittizja Tradotta, ir-Riċerka, u r-Riċerka Storjografika, kif ukoll is-sitt kategoriji tal-kotba għat-tfal magħrufa bħala Terramaxka – il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għat-Tfal u ż-Żagħżagħ: Kotba għat-Tfal (etajiet 0-7); Kotba għat-Tfal (etajiet 8-12); Letteratura għaż-Żgħażagħ; Kotba tradotti għat-Tfal (etajiet 0-7); Kotba tradotti għat-Tfal (etajiet 8-12); Letteratura għaż-Żgħażagħ tradotta.

Mill-2025, il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb qed jaċċetta traduzzjonijiet letterarji għall-Ingliż u l-Malti, fil-ġeneri tal-proża fittizja biss, jiġifieri rumanzi u novelli). Idealment is-sottomissjonijiet għandhom ikunu traduzzjonijiet diretti mit-test sors. Fejn isir l-użu ta’ test b’lingwa nofsanija jew sorsi oħra għandhom jiġu ddikjarati. Is-sottomissjonijiet kollha għandhom ikunu akkumpanjati minn kopja tat-test sors f’format diġitali, jew fil-lingwa oriġinali inkella bl-Ingliż fil-każ ta’ traduzzjonijiet permezz ta’ test b’lingwa nofsanija. Sottomissjonijiet imdaħħla mingħajr it-test sors kif mitlub mhux se jiġi kkunsidrati. Se jitqabbdu lokalment aġġudikanti kompetenti biżżejjed fil-lingwa sors u l-lingwa mira, kif ukoll aġġudikanti esterni jekk ikun hemm bżonn. Jekk l-għarfien lingwistiku neċessarju ma jkunx disponibbli, l-applikanti għandhom jipprovdu verżjoni Ingliża tal-ktieb biex evalwazzjoni ġusta tiġi assigurata.

Kotba ppubblikati minn aġenziji bl-għan ewlieni li jitqassmu b’xejn – sikwit imwieżna minn dipartimenti governattivi u li ma jinbigħux fil-ħwienet tal-kotba – mhumiex eliġibbli għall-Premju. Peress li dawn il-pubblikazzjonijiet mhumiex disponibbli b’mod kummerċjali jaqgħu barra mill-iskop tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb li jissapportja u jippromwovi kotba fis-suq.

Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb jagħti wkoll premjijiet speċjali għall-Aqwa Produzzjoni tal-Ktieb bl-Isbaħ Dehra, kemm għall-kotba għall-adulti kif ukoll għall-kotba għat-tfal u ż-żgħażagħ, il-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti, u l-Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba u l-Letteratura. Dis-sena se titnieda kategorija addizzjonali fil-PNK: il-Premju ta’ Rikonoxximent għal Illustratur, imwieżen mill-Kunsill Malti għall-Arti. Ċertifikat ta’ mertu u għotja ta’ €2,500 biex tiġi investita fi żvilupp professjonali u taħriġ se jingħataw lil illustratur/illustratriċi għall-kontribut siewi fil-qasam tal-illustrazzjoni tal-kotba, li jintgħażel/tintgħażel mil-lista t-twila wara s-sejħa għas-sottomissjonijiet.  Ir-reċipjent ta’ dan il-premju jintgħażel minn bord stabbilit mill-Kunsill Malti għall-Arti u l-KNK, li jinkludi evalwatur estern.

Kull premju għal kull kategorija tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, inklużi dawk meqjusa bħala speċjali, huwa ta’ €4,000, għajr għal dawk fil-kategorija tat-traduzzjoni tal-Premju Terramaxka, li huwa ta’ €2,000. Pubblikaturi ta’ kotba rebbieħa jirċievu €1,000 oħra għal kull ktieb rebbieħ, kif ukoll ċertifikat.

Ir-regolamenti, il-formola tal-applikazzjoni u l-kriterji tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb huma disponibbli hawnhekk fuq is-sit tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

L-applikazzjoni sħiħa, inklużi s-sottomissjoni tal-formola tal-applikazzjoni online u l-kopji fiżiċi tal-koba, għandhom jaslu għand il-Kunsill Nazzonali tal-Ktieb mhux aktar tard mit-3 ta’ Marzu 2025 f’nofsinhar. Tressiq ta’ applikazzjonijiet lil hinn minn din id-data ma jiġux aċċettati.

Il-kotba jintlaqgħu fl-uffiċċju tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa mit-8:00 sal-16:00. F’każ ta’ diffikultà tista’ tibgħat email lil Michael Mercieca fuq michael.mercieca@gov.mt.