Internazzjonali

Kanada: Isalvaw kollha b’miraklu wara li ajruplan għamel crash landing

Ritratt: BBC

Jista’ jitqies miraklu. Dawk kollha abbord salvaw. U kien hemm biss 18 li sofrew xi ġrieħi.

Dan hekk kif ajruplan għamel crash landing bil-konsegwenza li spiċċa inqaleb fl-ajruport tal-Kanada.

L-inċident seħħ it-Tnejn waranofsinhar fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Toronto wara jiem ta’ borra u maltemp estrem.

Ir-runway kellha tingħalaq għal ħin twil sakemm inħarġu n-nies – b’dawk li kienu maqbuda ħadu filmati tagħhom rashom ‘l isfel fl-ajruplan. Dan apparti li numru ta’ persuni kienu taħt xokk kbir kaġun tal-inċident.

Intant, uffiċjali qalu li mill-investigazzjonijiet irriżulta li l-ajruplan x’aktarx inqaleb propju minħabba l-borra li kien hemm fuq il-mitjar kif ukoll kaġun ta’ riħ qawwi.

Dan l-inċident seħħ ftit ġimgħat biss wara li ajruplan u ħelikopter ħabtu f’xulxin waqt li kienu fl-ajru… bil-konsegwenza li ħadd ma salva.