Lokali

Keith Azzopardi Tanti jgħid biss dak li jrid hu… u ma jwieġeb xejn

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti, elett mill-poplu fl-aħħar elezzjoni ġenerali, u li suppost qiegħed jirrappreżentah mal-mejda tal-Kabinett mingħajr ebda interessi partiġjani – ma riedx b’mod assolut, jew m’għandux l-iċken idea kif, se jwieġeb dwar it-tibdil fil-liġi tal-inkjesti maġisterjali li jrid jagħmel il-Prim Minsitru Robert Abela.

Bosta kienu l-esperti u l-professjonisti fil-qasam li ddeskrivew tali manuvra bħala waħda li qiegħda thedded is-saltna tad-dritt u d-demokrazija; pass li se jkun qiegħed iċaħħad u jxekkel liċ-ċittadin milli jitlob il-ftuħ ta’ inkjesta maġisterjali.

Tali pass li jrid jieħu l-Gvern kien ikkundannat minn żewġ Prim Imħalfin Emeriti; Joseph Said Pullicino u Silvio Camilleri, b’dan tal-aħħar jiġi saħansitra attakkat fil-Parlament.

Iżda minkejja din il-kritika qawwija, Robert Abela qiegħed jistina rasu u jkompli b’din l-imġiba, biex skont l-esperti, jiddefendi lil sħabu u tal-qalba.

Net News it-Tlieta filgħodu staqsa lis-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti għalfejn minkejja dawn l-appelli kollha mill-esperti fil-qasam… qed jibqgħu għaddejjin romblu minn fuq kulħadd. B’Azzopardi Tanti jagħżel li jinjora għalkollox id-domandi tagħna.

Mistoqsi biex jikkummenta dwar l-aħħar kritika li rċieva Abela u l-Gvern tal-Labour b’rabta mat-tibdil mgħaġġel li jrid jagħmel dwar kif jinfetħu inkjesti maġisterjali… Keith Azzopardi Tanti għażel li jwaqqa’ kollox b’mod mill-aktar partiġjan. U għal darb’oħra jinjora d-domandi li bdew isirulu.

L-unika domanda li wieġeb kienet dwar l-attakk li l-Prim Ministru għamel fuq l-Ombudsman Joseph Zammit McKeon – fejn qal li jaqbel ma’ dak kollu li jgħid Robert Abela.

Fi kliem sempliċi, is-Segretarju Parlamentari jaqbel li l-Ombudsman komdu wara l-iskrivanija u li anke hu qed jiddefendi lill-Kurunell Alex Dalli – minkejja li r-rapport tal-Ombudsman sabu ħati ta’ aġir razzist waqt li kien imexxi l-ħabs ta’ Kordin.