Lokali Qorti

Kristiansen jgħid kif Muka wettaq il-qtil u li hu u Dragomanski qatt ma riedu li dan iseħħ

“Daniel Muka daħal f’residenza f’Tas-Sliema b’pistola f’idu u spara fuq ġewwa u qatel koppja. Jien u Dragomanski qatt ma ridna li naslu s’hawna Ridna biss nidħlu nisirqu għax dan kien il-pjan li eskala b’tali mod li jien qatt ma ridt. Għalija jien ridt inwettaq is-serqa meta ma jkun hemm ħadd id-dar, imma sfortunatament dan ma seħħx.”

Dan irriżulta minn fomm id-Daniż Jesper Kristiansen, li sena ilu ġie kkundannat 40 sena ħabs wara li ammetta flok għadda ġuri l-involviment tiegħu fil-qtil doppju tat-tabib Christian Pandolfino ta’ 50 sena u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski ta’ 30 sena, fir-residenza tagħhon f’Tas-Sliema.

Huwa qal li kien ippanikja meta Muka spara lejn il-vittmi, xi ħaġa li huwa qatt ma ried li sseħħ għax mar biss maż-żewġt ħbieb tiegħu biex iwettqu s-serqa. Tenna li huwa ma kienx ra viżwalment lill-vittmi jinqatlu. Huwa l-għada kien ra u sema’ kollox fuq il-mezzi soċjali u wara telaq lejn Spanja.

Kristiansen li llum għandu 34 sena, kif mistenni xehed kontra Muka u Maciejowsk quddiem il-Maġistrat Nadine Lia, fejn qal li kemm hu kif ukoll Dragomanski kienu inkwetati u urtati dwar dak li kien seħħ għaliex it-tnejn li huma ma kellhom l-ebda pjan li jinqatlu xi persuni.

Iż-żewġt irġiel kienu nqatlu kiesaħ u biered fit-18 ta’ Awwissu tal-2020 b’diversi tiri ta’ arma tan-nar. Kollox kien jindika li dan l-omiċidju seħħ waqt pjan ta’ serqa fl-istess residenza f’Tas-Sliema. Christian Pandolfina kien inqatel b’ħames tiri ta’ arma tan-nar fosthom wieħed f’għonqu, waqt li s-sieħeb tiegħu nqatel b’tir wieħed f’wiċċu.

Jesper Kristiansen beda biex jgħid li s-sena l-oħra ġie kundannat 40 sena u m’appellax mis-sentenza. Tenna li dan li kien seħħ fit-18 ta’ Awwissu 2020, kien pjan li mar ħażin. Kellha tkun biss serqa li eskalat ħażin.

Dwar Daniel Muka u Viktor Dragomanski qal li kien ilu jaf lil Muka għaxart ijiem u lil Dragomanski kien jafu minn ferm qabel ma kien jaf lil Muka, u li sar jaf lil tal-ewwel permezz ta’ ħabib ieħor li mhux Malti. Tenna li kien ilu jaf lil Dragomanski sa mill-2018 u li hu ilu Malta mill-2017.

Kien ġie Malta biex jaħdem. Dwar il-pjan tas-serqa Muka kien qallu li hemm post fejn hemm xi oġġetti ta’ valur fosthom xi deheb u hu aċċetta li jmorru jisirqu. Ftit wara ddeċidew li jidħlu fir-residenza u jisirqu xi deheb.

Il-ftehim kien sar bejnu u Muka biss sa dak il-ħin. Huwa qal li kien qabel ma dan bil-kundizzjoni li ma jkun hemm ħadd id-dar. Kulma kien jaf hu li l-post kien ġewwa Tas-Sliema. Muka, bħalu kien ukoll beda jagħmel il-verifiki tiegħu dwar il-post. Ix-xhud qal lil Muka li importanti li ma jweġġgħu lil ħadd. Dik li jidħlu jieħdu li għandhom jieħdu u jitilqu’ ‘l barra. Sa hawn qal ix-xhud kien kollox sew.

Muka kien għadda għalih f’karozza bajda tal-marka Tiguan u fil-vjagg tagħhom ġabru lil Dragomanski u ħaduh magħhom. Il-ftehim li jmur magħhom kien seħħ ġurnata qabel il-każ. Il-pjan kien ukoll li jdoqqu l-qanpiena tal-bieb u jekk ma jkun hemm ħadd id-dar jifqgħu l-bieb.

Kristiansen qal li bejniethom kienet saret konverżazzjoni dwar dak li kienu se jagħmlu fejn Dragomanski kellu jibqa’ barra għassa. Huma kienu ġabru lil Dragomanski minn Triq it-Torri, Tas-Sliema. Kienu ftehmu wkoll biex jibdlu n-number plates tal-karozza, imma hu ma kienx jaf min fejn kienu ttieħdu dawn in-numri ta’ reġistrazzjoni.

Qal li jaf li kien Muka li bidel in-numri tal-karozza. Huwa kien libes par ingwanti minħabba l-finger prints filwaqt li Muka, minbarra ingwanti, libes parrokka. Huwa kien fuq is-seat ta’ wara u kkonferma li Muka saq il-karozza. Ma kienx jaf li l-karozza li użaw biex marru Tas-Sliema kienet misruqa.

Huma kienu daru mar-residenza tal-vittmi għal aktar minn darba u bdew ifittxu post ta’ parkeġġ u finalment ipparkjaw fi triq sekondarja. Muka daħal lejn ir-residenza l-ewwel u kellu portmoni tal-irġiel, li dejjem iġorr miegħu. Ix-xhud kien nofs id-distanza u sema’ l-qanpiena ddoqq fejn Muka kien armat b’pistola.

Il-bieb infetaħ u Muka kien qed jitkellem ma’ persuna li kienet fuq in-naħa ta’ ġewwa. Kien ftit ‘il bogħod biex jisma’ x’inhu jingħad però jaf li kienu lħna tal-irġiel. Fil-bidu deher li kien kollox normali, imma ftit wara meta ngħalaq il-bieb instema’ ħafna għajjat, u wara sema’ ‘pop pop’ u ħaseb li kienu xi murtali.

Dak il-ħin qal ix-xhud ra lil Muka jispara imma ma rax lil persuna l-oħra. Hawn huwa ppanikja u mar lura fil-karozza u hawn beda jinduna x’kien seħħ. “Fuq dak li ġara ma sarx diskors u jekk qed niftakar sew Dragomansaki staqsini jekk xi ħadd kienx spara.

“Jien għedtlu x’int taħseb? Fottejna kollox. Dan huwa każ ta’ qtil issa u mhux biss serqa,” qal ix-xhud. Wara mar lura lejn ir-residenza u ra għadira demm. Muka ħareġ barra bil-ġojjelli l-aktar ġiżirajjen. F’id waħda kellu l-pistola u fl-oħra d-deheb. Muka deher kalm. Meta konna se naħarbu minn fuq il-post bdew ħerġin il-ġirien tal-vittmi.

Fuq mistoqsija tal-prosekuzzjoni, ix-xhud qal li nduna li Muka kellu pistola meta beda miexi lejn ir-residenza. Qal ukoll li kien Muka biss li għamel użu mill-pistola.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Maria Francesca Spiteri mill-Ufiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Colin Sheldon. L-Avukati Josè Herrera u Alex Scerri Herrera qed jidhru għal Dragomanski, l-Avukat Josette Sultana qed tidher għal Muka u l-Avukati Stefano Filletti u Roberto Montalto qed jidhru għal Kristiansen. L-Avukat Joe Giglio u Michela Giglio qed jidhru għan-nom tal-vittmi.