L-akbar inkwiet għall-Maltin u l-Għawdxin huwa t-traffiku; segwit mill-għoli tal-ħajja, il-bini bla rażan u korruzzjoni.
Dan ħareġ ċar minn stħarriġ imwettaq mill-ġurnal Times of Malta hekk kif skont dan is-survey il-konġestjoni tat-traffiku fil-pajjiż saret l-akbar problema li qed iħabbtu wiċċhom magħha l-familji Maltin u Għawdxin.
28% ta’ dawk li pparteċipaw fis-survey spjegaw li biex jivvjaġġaw minn post għall-ieħor, biex jużaw it-trasport pubbliku, jew sempliċiment isibu parkeġġ ….qed tkun ħolma kerha.
Mill-istħarriġ ħareġ li l-problema tat-traffiku, li kull ma jmur taħt amministrazzjoni Laburista kompliet tiggrava serjament, qed taffettwa l-istat mentali tal-individwi – bi stress u ansjetà.
Intant, wara dax-xhur kollha, l-isfida tal-għoli tal-ħajja u ż-żieda fil-prezzijiet qed jibqgħu jkunu piż serju fuq spallejn iċ-ċittadin Malti u Għawdxi – fejn spjegaw li din hija problema li l-Gvern qed jonqos milli jsolvi – u l-maġġoranza tal-parteċipanti spjegaw li qed taffettwahom b’mod mentali u individwali. B’wieħed minn ħamsa jgħidu li qed jarawha bħala problema serja.
Intant, l-akbar sfidi għall-partitarji Laburisti huma t-traffiku, u ż-żieda fil-prezzijiet – biz-zieda fl-għoli tal-ħajja hija predominanti fost dawk li ma vvutawx fl-elezzjoni preċedenti.
L-inkwiet dwar il-korruzzjoni hija għolja fost dawn tal-aħħar ukoll.