Lokali Qorti

L-anzjan aggredit waqt argument f’San Pawl il-Baħar ħareġ mill-ITU

L-anzjan ta’ 70 sena li kien aggredit waqt argument f’San Pawl il-Baħar ħareġ mill-ITU wara tliet xhur. Dan irrriżulta hekk kif fil-Qorti kompliet il-kumpilazzjoni kontra John Oliver Kane, l-anzjan Ingliż ta’ 72 sena li qed jiġi mixli bl-attentat ta’ qtil tal-ġar tiegħu f’San Pawl il-Baħar f’Novembru li għadda.

Fl-aħħar seduta li qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi, il-Qorti kienet ħatret espert medikolegali biex janalizza l-istat mentali tal-akkużat u jiddikjara huwiex fi stat li jiġi interrogat. Kien Mario Scerri, li nħatar mill-Qorti, fejn ta informazzjoni dwar il-qagħda tal-vittma.

Huwa xehed it-Tlieta, li kien żar il-vittma fl-ITU tal-Isptar Mater Dei b’rabta mal-inkarigu tiegħu u spjega kif il-vittma kellu attakk tal-qalb iżda rkupra wara li sarlu intervent mediku urġenti. Huwa kellu numru ta’ feriti li jaqblu ma’ daqqa ta’ arma.

Eventwalment, il-vittma ħareġ mill-ITU u l-ġrieħi li ġarrab instabu li huma ta’ natura gravi. Meta eżamina lill-akkużat, Scerri qal li kellu tbenġil fuq ġismu li juru li qala’ daqqiet b’xi oġġett, dak li jitqies bħala blunt trauma. Il-ġrieħi li ġarrab tqiesu li huma ta’ natura ħafifa.

Minħabba li l-akkużat ma jifhimx bil-lingwa Maltija, Scerri ntalab jittraduċi r-rapporti tiegħu għal-lingwa Ingliża. Argument vjolenti bejn erba’ anzjani residenti ġewwa blokk ta’ appartamenti ta’ San Pawl il-Baħar kien wassal biex wieħed minnhom weġġa’ gravi u ieħor jinżamm arrestat talli allegatament ipprova joqtlu.

John Oliver Kane, Ingliż ta’ 72 sena, ġie arrestat fuq l-inċident irrappurtat fi Triq it-Tartarun għall-ħabta tal-10.30am. Il-vittma kien ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza wara li rċieva l-assistenza medika fuq il-post.

Il-każ se jkompli fil-25 ta’ Marzu.