Kultura Lokali

L-opra komika u memorabbli ta’ Rossini se tittella’ fit-Teatru Manoel

Ritratt: Teatru Manoel
Ritratt: Teatru Manoel
Il Barbiere di Siviglia se tagħti gost lill-udjenzi bi prestazzjoni b’saħħitha mimlija daħk u vuċijiet impressjonanti

It-Teatru Manoel ħabbar il-produzzjoni tal-opra komika Il Barbiere di Siviglia bħala parti minn ‘Rossini Week’ li tiċċelebra x-xogħol tal-kompożitur rinomat Taljan, Gioachino Rossini.

Din il-produzzjoni ta’ Il Barbiere di Siviglia se tkun taħt id-direzzjoni ta’ Paul Carr b’direzzjoni mużikali tal-Maestro Michael Laus, li se jkun qiegħed jidderieġi l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta. Id-disinn tas-sett huwa f’idejn Adrian Mamo, filwaqt li d-disinn tal-kostumi huwa f’idejn Denise Mulholland.

Il Barbiere di Siviglia se tkun ikkaratterizzata bi prestazzjonijiet minn artisti lokali u internazzjonali, li jinkludu lil Leonardo Ferrando bħala l-Konti ta’ Almaviva, Felipe Oliveira bħala Don Bartolo, Heather Lowe bħala Rosina, u Andre Morsch bħala Figaro l-barbier. Pavlo Balakin se jkun qed jaħdem il-parti ta’ Basilio, James Agius, il-parti ta’ Fiorello, u Alexandra Camilleri Gambin, il-parti ta’ Berta. Kor ta’ tnax-il raġel minn KorMalta se jżid il-ħila vokali tal-opra taħt id-direzzjoni ta’ Riccardo Bianchi.

Il Barbiere di Siviglia ta’ Rossini nkitbet fl-1815 meta Rossini kien għad għandu biss 24 sena u l-opra ttellgħet għall-ewwel darba sena wara. Għalkemm ma ntgħoġbotx fl-ewwel lejl tagħha, u saħansitra ġiet ibbuwjata, wara, saret meqjusa bħala l-iprem biċċa xogħol ta’ mużika kummiedja, u ġiet deskritta bħala l-‘‘opera buffa’’ mill-‘‘opere buffe’’ kollha. Wara żewġ sekli, għadha opra popolari madwar id-dinja kollha. Opra komika li tikkonsisti f’żewġ atti, Il Barbiere di Siviglia ssegwi l-istorja ta’ żewġ namrati fix-xewqa tagħhom li jkunu flimkien bl-għajnuna tal-ħabib tagħhom Figaro. L-opra se tesibixxi għadd ta’ kostumi, tixħim u qerq, u arji memorabbli ħafna.

L-opra se tittella’ fit-Teatru Manoel fid-9, il-11, it-13 u l-15 ta’ Marzu tal-2025 fis-19:30. Il Barbiere di Siviglia tifforma parti minn Rossini Week, li se tkun qed tinkludi wkoll recitals ta’ ‘Sins of Old Age’ u ‘Petite Messe Solennelle’.