Sport

Luxol jibdew l-Enemed Premier League bil-kbir

Ritratt: Nicholas Falzon

Luxol kellhom bidu perfett fil-fażi Elite tal-Enemed Futsal League wara li għelbu lil Marsaskala Legends 7-0.

Kif jindika l-iskor, it-tim immexxi minn Gabriel Dobre iddomina din il-partita hekk kif il-plejer Brażiljan Victor Dias Oliveira kien awtur ta’ tliet gowls b’Luke Gatt li sab ix-xibka darbtejn.

Emil Raducu u l-akkwist il-ġdid Luis Negreiros għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom.

Referees kienu Andrea Naudi u Danilo Francalanza.

Partita interessanti

F’partita ferm interessanti, Swieqi United Futsal għelbu lil University of Malta 5-4. Minkejja li dejjem kienu minn taħt, Swieqi baqgħu wara l-avversarji tagħhom u kienu huma li kisbu t-tliet punti finali wara li qalbu l-iskor favurihom.

Guillherme Fonseca, Marcelo Alarcon, Karl Luke Schembri, Santiago Roller Cruz u Rodrigo Rocha kienu l-awturi tal-gowls ta’ Swieqi United. University of Malta kellhom lil Cristian Fernandez, Mohamed Elamari, Steven Camilleri u Joseph Gonzalez Baquero li sabu x-xibka.

Referees kienu Andrea Naudi u Clinton Cassar.

Challenger League

Fiċ-Challenger League, Ħamrun SC Futsal NCMB kisbu rebħa ta’ 9-0 kontra s-selezzjoni Maltija ta’ taħt is-17-il sena.

Il-Ħamruniżi kellhom lil Collin Sammut li skorja erba’ gowls filwaqt li Braham Garcia Espinosa wettaq doppjetta personali. Gia Nikvashvili, Hamza Harrat u Sebastian Jimenez niżżlu isimhom fost l-iskorers.

Referees kienu Clinton Cassar u Marco La Rosa.

GZR Birżebbuġa xejn ma sabuha faċli kontra s-selezzjoni Maltija ta’ taħt id-19-il sena hekk kif rebħulhom 5-3. Armando Gjepali skorja doppjetta għal GZR Birżebbuġa filwaqt li Cristian Camilo Diaz, Carlos Stiven Alarcon u awtogowl ta’ Isaac Vella komplew iżidu l-iskor.

Iż-żgħażagħ Maltin skorjaw il-gowls tagħhom minn Isaac Vella, Xylon Mercieca u Neil Gauci.

Referees kienu Stephen Vella u Andrea Naudi.