Lokali

Mara feruta wara li pprovat tirreżisti serqa minn Banka tal-Lottu

Mara mill-Mosta sofriet xi ġrieħi wara serqa li twettqet minn ħalliel armati b’sikkina fuq Banka tal-Lottu.

Is-serqa seħħet it-Tlieta waranofsinhar għall-ħabta tat-3:30, f’banka tal-lottu li tinsab fi Triq Dun Karm, Birkirkara.

Il-Pulizija marret fil-post fejn minn stħarriġ preliminari rriżulta li raġel mgħammad allegatament armat b’sikkina, daħħal idu mit-tieqa u ħataf xi flus kontanti mingħand il-kaxxiera, mara ta’ 57 sena.

Ir-raġel ħarab minn fuq il-post ftit wara bil-Pulizija għaddejja bit-tfittxija għall-ħalliel.

Tim mediku assista lill-mara li ttieħdet permezz t’ambulanza l-Isptar Mater Dei għal osservazzjoni.

Il-Maġistrat Philip Galea Farruġia ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.