Lokali Qorti

Missier u ibnu jibdew għaddejjin ġuri fuq qtil fil-Ħamrun fl-2017 – Tibda x-xhieda tal-prosekuzzjoni

Missier u iben bdew għaddejjin ġuri akkużati bil-qtil ta’ żagħżugħ ta’ 21 sena fil-Ħamrun fil-jum tal-Ħadd tat-2 ta’ April tas-sena 2017. Kurt Grech ta’ 31 sena magħruf bħala n-Nemes, u missieru Joseph ta’ 61 sena, it-tnejn minn Tal-Pietà.

Huma  qed jiġu mixlijin bil-qtil ta’ Brandon Pace (ritratt), magħruf bħala l-Gallali. It-tnejn qed iwieġbu mhux ħatja tas-seba’ akkużi li qed jiffaċċjaw quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera. Il-vittma kien inqatel quddiem ommu u t-tfajla tiegħu wara argument bejn żewġ familji. Huwa ngħata ħames daqqiet ta’ sikkina, b’dik fatali tkun daqqa ta’ sikkina f’qalbu. Il-qtil sar fi Triq Giovanni Barbara.

It-tnejn qed jiġu akkużati b’omiċidju volontarju, feriti gravi, pussess ta’ arma, li hija sikkina, pussess ta’ strument bil-ponta, li kisru l-paċi pubblika u l-bon ordni, li heddu u insulentaw lill-qraba tal-vittma. L-att tal-akkuża tgħid li l-vittma kien instab mimdud fl-indana ta’ blokka ta’ appartamenti f’għadira demm.

Il-vittma kien liebes shorts u kien ukoll ħafi u mill-feriti li kellu fuqu fosthom fuq sidru, kien evidenti li tilef ħafna demm. Ġie nnutat ukoll li f’xi ħin intużaw ukoll xi madum, li kienu jinsabu fit-triq imkissra barra l-blokka.

Ġie stabbilit fuq ix-xena tad-delit li ftit tal-ħin qabel il-vittma Brandon Pace kellu argument ma’ Kurt Grech fejn dan kien mar quddiem il-blokk tal-appartament fejn kien hemm Jessica Bilocca fi Triq Giovanni Barbara, fejn kien ġie skambjat xi tgħajjir u theddid bejn Jessica Bilocca u Lisa Pace li kienu ħarġu fil-gallerija tal-appartament u Kurt Grech, li kien fl-appartament fejn kien hemm ukoll l-għarus ta’ Jessica Bilocca, Brandon Pace li malli ra x’kien qed jiġri, ddeċieda li jinżel isfel biex jikkonfronta lil Kurt Grech.

Irriżulta li barra flimkien ma’ Kurt Grech, kien hemm ukoll missieru Joseph Grech u ommu Anna Maria Grech, li ġie stabbilit li waslu fuq il-post b’vettura separata ftit minuti wara l-wasla ta’ Kurt. Minkejja li kien hemm tentattiv biex l-argument ma jibqax jeskala, dan sfaxxa fix-xejn peress li fi ftit minuti, Brandon Pace, Kurt Grech, Joseph Grech u Anna Maria Grech spiċċaw f’għoqda waħda, fejn skont ix-xhieda, f’ħin minnhom Brandon Pace deher jaqa’, b’Kurt Grech jaqbeż fuqu.

Irriżulta wkoll li kemm Kurt Grech kif ukoll Brandon Pace, użaw is-skieken li kellhom fuqhom bil-konsegwenza li Brandon Pace safa maqtul fuq il-post. Skont xhieda fuq il-post, foshom omm Brandon, Lisa Pace, stqarrew mal-Pulizija, li meta Brandon Pace ipprova jidħol ġewwa l-blokka raw lil Joseph Grech jagħti l-aħħar daqqa ta’ sikkina f’dahar Brandon. 

Malli dan daħal ġewwa fil-komun tal-blokka tal-appartamenti, Kurt Grech u l-ġenituri tiegħu telqu minn fuq il-post bil-karozzi tagħhom. Meta Joseph Grech ġie mitkellem mill-Pulizija fir-residenza tiegħu ġie infurmat li kien jinsab ukoll arrestat flimkien ma’ ibnu Kurt Grech fuq l-omiċidju ta’ Brandon Pace. 

Fir-rigward ta’ omm Kurt u mart Joseph, Anna Maria Grech kienet tidher f’qagħda ħażina u taħt xokk tant li ġie deċiż li tiġi skortata wkoll mill-Pulizija lejn l-isptar, kif kien eskortat binha akrtar kmieni. Ix-xhieda tal-prosekuzzjoni bdiet il-każ tagħha wara nofs inhar.

L-ewwel xhud tal-ġuri kien l-Ispettur Elliott Magro, li fiż-żmien l-omiċidju kien Spettur stazzjonat l-Għassa tal-Ħamrun. Qal li dakinhar fil-għaxija, pulizija li kienu fl-inħawi daħlilhom rapport li seħħ argument fil-Ħamrun u meta marru fuq il-post sabu żgħażugħ mejjet, li aktar tard kien identifikat bħala Brandon Pace. Il-vittma kien jidher li qala’ xi daqqiet ta’ sikkina, x’aktarx mingħand żewġ persuni li jgħidulhom tan-‘Nemes’.

Xhud jara lill-vittma kollu feriti

Huwa qal li meta mar fuq il-post, mill-ewwel lemaħ xi madum imkisser, kif ukoll tiċpiss aħmar fuq il-bankina u quddiem il-bieb tal-komun tal-bokka tal-appartamenti, li aktar tard rriżulta li kien demm. Qal li meta ttawwal fuq ġewwa tal-blokka, ra lill-vittma mixħut mal-art wiċċu l’fuq, mdawwar f’ammont kbir tad-demm.

Seta’ jara wkoll uħud mill-feriti, fosthom dik tas-sider, tal-koxxa u oħrajn fuq l-ispalla ta’ Pace. Żied li mal-ewwel daqqa t’għajn kien jidher li daqqiet li qala’ l-vittma, saru b’xi ħaġa taqta’ u bil-ponta. Magro qal ukoll li l-pulizija mill-ewwel stabbilixxiet min setgħu kienu s-suspettati.

Ix-xhud qal li dak il-ħin irċieva tefonata li s-suspettati Joseph u ibnu Kurt Grech kienu dehru fi Triq San Girgor, f”Tal Pieta u li x’aktarx wieħed minnhom kien qed isoffri minn xi ġrieħi. Tenna li l-ewwel persuna li ġiet interrogata kienet omm il-vittma Lisa Pace.

Din qalet li kienet fir-residenza ma’ binha Brandon Pace, u s-sieħba tiegħu Jessica Bilocca, li kellha wildt mill-akkużat Kurt Grech. Spjegat li f’xi ħin semgħet xi ħsejjes fuq barra u meta ttawlet mill-gallarija, rat lill-omm u l-missier Kurt Grech, Anna Maria u Joseph Grech.

Twaddib ta’ madum mill-gallarija u l-vittma joħroġ b’sikkina f’idu

Il-mara qalet lil Bilocca li kienet se tinżel isfel tipprova tikkalma l-affarijiet jew isakkar il-bieb tal-komun tal-blokka. Fuq il-post wasal ukoll Kurt Grech b’xi skieken f’idu. Iżda meta Lisa Pace, niżlet isfel, u fetħet il-bieb, rat lil Jessica Bilocca, twaddab il-madum mill-gallarija.

Omm il-vittma qalet li f’daqqa waħda rat lill binha Brandon nieżel it-taraġ b’sikkina blu f’idu. Żiedet li l-argument skala fi ġlieda bi skieken. F’xi ħin binha żelaq u l-akkużati bdew jagħtuh bis-sikkina waqt li kien mal-art. Il-mara qalet li x’hin rat lil binha f’dak l-istat, mal-art u f’għadira demm, bdiet twerżaq u tippanikja. Mal-pulizija qalet ukoll li dak il-ħin Kurt Grech instemgħa jgħid “Ħallih imut”.

Magro qal ukoll li l-pulziija daħlitha nformazzjoni, li nstabu xi skieken, fi spral fTal-Pieta, u vicin ta’ fejn instabu l-akkużati, wahda safra u oħra ta’ kulur skur. Qal li l-missier u l-iben ġew arrestati u nterrogati l-għada tal-omiċidju.

Mal-pulizija, il-missier, Joseph Grech qal li dakinhar flimkien ma’ martu, ħadu lin-neputi tagħhom, (il-minuri ta’ ibnu u Bilocca) jara ż-żwiemel itellqu fil-korsa tal-Marsa. Qal li waqt it-tiġrijiet, il-minuri ra lil nannuh u lil zijuh minn naħa tal-omm, u xtaq imur magħhom.

Għalhekk, mart Grech, ċemplet lil Bilocca biex tinfurmaha, li binha kien mar mal-familjari tagħha u ma kienx għadu magħhom. Jidher li Bilocca ma ħaditx gost b’din l-aħbar għaliex t-tnejn bdew jargumentaw dwar dan, permezz ta’ sensiela ta’ telefonati.

Joseph u martu telqu mill-korsa, u marru quddiem ir-residenza ta’ Lisa Pace, fejn kienet tinsab Jessica Bilocca. Wara diversi theddid u ġlied verbali quddiem ir-residenza, mal-pulizija Joseph Grech qal li l-vittma nieżel għalihom b’sikkina.

Tenna li dak il-ħin wasal binhom ukoll fuq il-post wara li sar jaf li l-ġenituri tiegħu kienu marru għal Bilocca. il-missier żied li Brandon Pace qallu biex jersaq minn quddiemu, għaliex ma riedx joqtol lilu, iżda lill-ibnu Kurt Grech.

Meta l-pulizija tkellmet mal-akkużat Kurt Grech, qal li meta sema’ li ommu u missieru marru l-Ħamrun għal Bilocca, telaq mill-korsa, mar f’daru jġib żewġt is-skieken u saq lejn il-Ħamrun. Meta wasal, Grech qal li ommu u missieru provaw jikkalmah. Iżda l-vittma nieżel b’sikkina u beda jxejjirha fid-direzzjoni tiegħu u kien hawn li sploda kollox.

F’dak il-ħin Kurt Grech qal li beda jxejjer is-skieken lejn Pace u laqtu f’sidru, fi spaltu u fejn “laqat laqat”. Spjega li meta ra lil Bilocca tipprova tgħin lil Pace u tiġbdu biex jidhol lura ġewwa fil-blokka, taha daqtejn ta’ sikkina f’koxxitha u telaq minn fuq il-post.

Żied li rema’ s-skieken fi spral u meta l-pulizija wrewh is-skieken li ġew elevati minn Tal-Pieta, ikkonferma li kienu l-istess li ntużaw minnu fl-argument.. Qal ukoll li missieru Joseph Grech, fl-ebda ħin ma ta daqqiet bis-sikkina lil Pace.

Grech qal ukoll li tliet snin qabel il-każ, kien ħabib ma’ Pace iżda il-ħbiberija sfaxxat fix-xejn meta Bilocca bdiet toħroġ miegħu. Mal-pulizija qal ukoll li kien hemm drabi, fejn Pace u Bilocca marru jfittxuh biex jieħdu sodisfazzjoni iżda ma sabuhx u sema’ wkoll episodju fejn Bilocca marret għalih b’ponn tal-ħadid.

Meta l-pulizija nterrogat lil Jessica Bilocca qalet li dakinhar is-sieħeb tagħha kien qed jinħasel għaliex ried imur l-għassa tal-Ħamrun jiffirma, minħabba li kien bil-liberta’ proviżorja fuq każ pendenti fil-Qorti. Żiedet li l-missier Joseph Grech kien ha s-sikkina minn id Brandon Pace u beda jagħtih biha.

Meta l-pulizija elevat il-filmati tas-CCTV’s tar-residenza tal-missieri u l-iben, wrew lil Kurt Grech dieħel u ħiereg mir-residenza bis-skieken filwaqt li aktar tard, deher l-istess Grech flimkien missieru, jaslu lura. F’dan il-filmat, l-ispettur Magro qal li Kurt Grech deher midrub u beda jżomm sidru. Il-ġuri jkompli l-Erbgħa filgħodu

L-avukati Roberto Montalto, Edward Gatt u Kathleen Grima huwa l-avukati difensuri. L-avukat Ishmael Psaila u Rachel Tua huma parte civile fil-każ. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kevin Valletta u Kaylie Bonett mill-uffiċċju tal-AĠ. L-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-Ispettur Elliott Magro kienu mexxew l-investigazzjoni dwar il-każ.