mid-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem
Il-bniedem jaġixxi u jirreaġixxi fil-ħajja kostanti tiegħu. F’diversi setturi l-azzjoni u r-reazzjoni jiġu f’daqqa wara xulxin. F’oħrajn le, speċjalment fil-kamp politiku fejn diversi drabi jkun żball li wieħed iwieġeb immedjament u anzi ħafna drabi aħjar jibqa’ jistenna u jipposponi. Mhux faċli u l-bnedmin huma marbuta mal-imperfezzjonijiet tagħhom li jwassalhom jiżbaljaw imma tajjeb li jieħdu parir.
Ftit għarfien
F’ħafna drabi f’dawn il-pożizzjonijiet jiġu sagrifikati dak li ma għandhomx. Hemm wirt storiku, soċjali, kulturali, reliġjuż, legali li drabi jiġi mixħut għall-arja u distrutt. Mhux ħafna bnedmin f’dan għandhom l-arti tal-ġudizzju u jifhmu meta u kif u jekk għandhomx jaslu f’dawk il-passi.
L-istorja turi li dik il-linja aħjar ma tinqabiżx anki jekk tidher neċessità tant qawwija li hija inevitabbli. F’dan meta wieħed iħares lura jibqa’ jirrealizza li kien jkun aħjar li ma wettaqx dak li għamel.
F’dawn il-jiem
Dan huwa iktar rilevanti f’dawn il-ġranet li niftakru mill-ġdid f’dak li seħħ fil-15 ta’ Frar 1944 fl-Italja. Meta ttieħdet id-deċiżjoni żbaljata li jiġi attakkat mill-ajru l-Monasteru ta’ Montecassino. Monument religjuż u storiku mwaqqaf fil-529w.k. minn San Benedittu, il-fundatur tal-Ordni magħrufa bħala tal-Benedittini.
Post mimli b’wirt li għadda minn ġenerazzjoni għall-oħra. Kien il-post li għalkemm parti mil-linja tad-difiża Tedeska ma kienx okkupat jew użat militarment minnhom. Imma żbaljatament kien hemm min fuq n-naħa alleata li kien konvint li kien hemm suldati Tedeski fih u li kienu libsin ukoll ta’ patrijiet.
Ajruplani varji kissruha fix-xejn. Għax dak li ma kinetx wara saret. Saret kamp tal-battalji li eluf ta’ nazzjonalitajiet varji, tilfu ħajjithom fiha.
Neċessità militari
Kien żbaljat aktar u jibqa’ hekk proprju għax ftit xhur qabel f’Diċembru 1943 il-Kap Kmandant tal-Forzi Amerikani Dwight D Eisenhower (1890-1969) li aktar tard sar hu wkoll President, kien għadda direzzjoni lis-suldati magħrufa bħala ‘Protection of Cultural Property Order’.
Fejn waqt li fakkar li l-Italja kienet sinjura fil-patrimonju, ordna li din kellha tkun rispettata. Anzi hu kien qal: “Which by their creation helped and now in their old age illustrate the growth of the civilization which is ours.”
Fl-istess kitba daħal fil-bilanċ li hu ħass li jrid isir: “If we have to choose between destroying a famous buliding and sacrificing our own men, then our men’s lives count infinitely more and the buildings must go. But the choice is not always so clear as that… Nothing can stand against the argument of military necessity. That is an accepted principle. But the phrase ‘military necessity’ is sometime used where it would be more truthful to speak of military convience or even personal convience.”
Żball traġiku
Minkejja dan għamlu l-kontra, ċertament minħabba pressjoni kbira u b’nuqqas kbir ta informazzjoni korretta dwar dak li kien qed jiġri verament f’Montecassino.
Fatti ħżiena jwasslu għalhekk. Ittieħdet id-deċiżjoni biex jiġi bumbardjat. Diversi kienu rreżistew. Oħrajn ukoll bħal Ġeneral Ingliż Mark Clark (1896-1984) li jidher li kien ukoll kontra wara ddeskriva kollox bħala “a tragic mistake”. Wieħed li għadu magħna sal-lum.
Niftakru fih proprju f’din is-sena fit-80 anniversarju tat-tmiem ta’ dak il-kunflitt. Monument li ħa 20 sena biex jiġi mibni lura mill-ġdid u miftuħ fl-1964.
Pass li seħħ ukoll mertu u kredtu tal-Patri Benedittin Malti u Senglean Dom Mauro Inguanez (1887-1955) li din is-sena nfakkru fis-70 sena mill-mewt tiegħu. Kien hu li ħa ħsieb li diversi dokumenti ta’ valur li kien hemm jittieħdu Ruma għall-protezzjoni. Kien hu wkoll li siefer fl-irkejjen tal-Istati Uniti jitlob l-għajnuna finanzjarja biex l-post jinbena mill-ġdid. Kien hu li għadda minn din it-traġedja.
Ftakart
Quddiem dan kollu ftakart iktar f’dak li ninsabu għaddejjin fil-Parlament minnu. Għax f’dan wieħed għandu jżomm quddiem għajnejh li huwa faċli tkisser u żżarma patrimonju milli tissudah.
Sija jekk dawn jkunx f’monumenti storiċi li jkollhom bżonn restawr, kif ukoll jekk ikunx parti mill-wirt legali tagħna li jkollu l-bżonn li jintgħaraf mill-ġdid. Il-prinċipju għas-sewwa huwa li s-sustanza żżommha, tippreservaha, mingħajr ma tarmiha.
Jekk fis-sekli ġbarna ħafna direzzjoni tajba kif norganizzaw rwieħna fil-ġustizzja, irridu nkunu attenti sew qabel nibdlu dak li għandna. Diversi drabi jsir l-argument li għax liġi ilha mijiet ta’ snin dan fih innifsu jiġġustifika n-neċessità li tingħata f’ħakka t’għajn daqqa ta’ mannara.
L-inkjesti maġisterjali nafu li ilhom magħna u huma parti mit-tessut legali tagħna. Jista’ jkun hemm min iressaq l-argument ‘komdu’ li xi ħadd qiegħed jabbuża. Punt li jrid jiġi eżaminat aħjar fid-dettal fejn il-verità tinfired mill-perċezzjoni, imma f’dan ma jfissirx li nkunu ġustifikati li neqirduha kif fil-fatt se nagħmlu.
Konvenjenza politika u personali
Kif kien qal Eisenhower: “Il-frażi ‘neċessità militari’ hija użata fejn f’mumenti jkun iktar veritier li nitkellmu dwar konvenjenza militari jew dik personali”. Forsi f’dan hija ferm iktar konvenjenti li nippruvaw inrendu din l-iskuża fl-istess termini ta’ dak tal-bumbardament ta’ Montecassino.
Konvenjenti politikament li ngħidu li hemm abbuż meta dan jista’ jiġi kontrollat għax huwa aħjar li tingħad il-verità u l-fatti pubblikati. Konvenjenti daqshekk ieħor li trendi l-antipatija li nbniet lejn persuna bħala xi forma ta’ ġustifikazzjoni.
Xejn f’dan, però, ma jista’ jiġġustifika li s-sistema minn kif inhi titneħħa u tiġi distrutta fit-trab.
Telf fil-patrimonju legali
Sejrin f’dan nitilfu patrimonju legali li għandna. Wieħed li jrid iż-żmien tiegħu aktar ’il quddiem biex jinbena lura. Nittama li fir-riflessjoni u fil-kalma li kull liġi titlob qabel issir, ikun hemm min jifhem aktar li dan huwa żball traġiku.
Il-liġijiet isiru biex ikabbru l-ġid fl-ordni morali u soċjali mhux kontra. Forsi l-istorja tgħinna f’dan għax kieku kien hemm min ħaseb u kien aktar attent fi Frar 1945, kieku għadna ngawdu l-patrimonju oriġinali fis-sħiħ tiegħu.
Kieku d-dinja kienet tagħraf aktar li ma kinetx il-konvenjenza imma l-għaqal li mexxiet. Għad hemm żmien utli biex inkunu attenti f’dak li se jsir. F’dan ninsab aktar milli ċert li Dom Mauro kien jagħraf jagħtina parir siewi.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 18 ta’ Frar, 2025
//= $special ?>