mid-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo
Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar
It-tieni jum tal-kampanja Ġustizzja Soċjali niftakru fil-priġunieri miżmuma fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Niftakru b’mod speċjali fihom, u f’ dawk kollha fis-soċjetà tagħna li għaddejjin minn tbatijiet kbar minħabba nuqqas ta’ ġustizzja fil-konfront tagħhom.
Illum sejrin nippreżentaw sett ta’ kotba għal-librerija tal-Faċilità Korrettiva bħala ġest ta’ ħbiberija ma’ dawk li jafu li żbaljaw u li għaddejjin minn żmien ta’ riabilitazzjoni bit-tama li jkomplu b’ħajjithom f’soċjetà li tilqagħhom lura. Sfortunatament uħud minnhom jagħmlu ħilithom, madankollu xorta waħda jħossuhom fuq skoll f’nofs baħar, jitqabdu mal-kurrenti tas-soċjetà tagħna.
Għaliex tajjeb ukoll nirriflettu u naħsbu fuq il-qalb iebsa ta’ xi wħud, li mhumiex lesti jaċċettaw lura lil dawk li n-nuqqasijiet tagħhom tperrċu ma’ kullimkien, u weħlu l-ħabs, bit-tama li jeħilsu mill-passat darba għal dejjem. Madankollu jibqa’ l-fatt li l-iżball li wettqu jibqa’ d-dell tagħhom, u biex tgħaxxaqha ssib lil xi wħud li jkomplu jgħabbu fuqhom dak is-sens ta’ ħtija, anki sempliċiment b’ħarsa.
Il-poplu tagħna mimli virtujiet mill-aktar sbieħ, imma għad fadal bosta li bħal donnu jibqgħu ma jaċċettawx il-passat ta’ xi wħud. Inħarsu lejn il-ġrajja tagħhom bla ma nħarsu lejn il-ġerħat tagħhom, bla ma nħarsu lejn it-tfulija tagħhom, bla ma nħarsu lejn l-ambjent li ġew minnu mimli tgerfix, taħwid u inċertezzi. Lesti għalihom bix-xafra tal-moħriet bla ma naraw il-kwadru sħiħ bħal qishom qed jgħumu ġo skutella ilma, li fiha m’għandhomx fejn jistrieħu. Ilkoll kemm huma jixtiequ li jitilgħu minn din l-iskutella, imma t-tarf ta’ din l-iskutella mhux faċli jaqbduh.
Madankollu jeżistu wkoll bnedmin ta’ rieda tajba li lesti jħarsu f’għajnejhom daqslikieku dawn huma bnedmin tad-demm u l-laħam, bħali u bħalek, minkejja l-iżball u r-reat li wettqu. Jeżistu bnedmin li jippruvaw jixxabbtu għal dawn il-bnedmin biex itellgħuhom minn din l-iskutella. Imma jibqa’ l-fatt li jdejhom ma jiltaqgħux ma’ dawk tal-priġunieri. Jagħmlu x’jagħmlu u jsir xi jsir is-sitwazzjoni tant hi kumplessa li kulħadd finalment jibqa’ fejn hu. Fil-verità l-ħabsin jibqgħu jgħumu, u dawk ta’ rieda tajba jibqgħu fuq ix-xifer.
Grazzi għal bnedmin ta’ rieda tajba, minn fuq sa isfel tal-ġerarkija u t-tmexxija tal-ħabs, u ferm aktar bnedmin ġejjin minn NGO’s, bnedmin professjonali u oħrajn jagħmlu ħilithom kollha, xi kultant jirnexxilhom jaqbdu xi id u jiġbduha ‘l fuq. Imma fl-opinjoni fraġli tiegħi din taf tkun esperjenza rari. Hemm esperjenzi oħrajn, fejn minkejja li jirnexxilna naqbdu xi id, iżda ma tkunx l-ewwel darba li din l-id tiżloqilna u terġa’ tintefa’ fl-ilma tal-iskutella. Imbagħad sfortunatament hemm dawk li mhux talli ma jippruvawx jilħquhom u jnewlulhom idejhom, talli jaslu biex jagħmlu dan il-pass biex, għall-kuntrarju, ikomplu jniżżluhom ’l isfel taħt l-ilma.
Dan hu l-messaġġ li għandu jingħata llum fit-tieni jum tal-Ġustizzja Soċjali, mhux biss fil-Ħabs ta’ Kordin, mhux biss lill-qarrejja ta’ dan l-artiklu, imma minn tarf sa tarf ta’ din is-soċjetà li fiha ngħixu. Ikolli nistqarr li mimli tama li nwasslu dan il-messaġġ, madankollu naf ukoll u saqajja mal-art nammetti li mhux faċli. Ikolli nammetti li r-realtà ħarxa tal-ġudizzju, tal-aċċettazzjoni, kienet minn dejjem u tibqa’ għal dejjem. U allura bħal oħrajn nibqa’ nistaqsi, imma għaliex għandu jkun hekk? Għaliex ma jistax ikun mod ieħor?
Dan huwa stat ta’ fatt. Kull min hu devot tal-Ġustizzja Soċjali ma jista’ qatt jaċċetta ċertu raġunar li jbegħidna mill-umanità. Bħala bnedmin għandu jkollna interess komuni, għax jekk illum fil-ħabs hemm bnedmin tad-demm u l-laħam li mhumiex daqstant qrib tiegħek, għada pitgħada jista’ jkun hemm ibnek, oħtok, missierek, ħabibek tal-qalb, żewġek, martek… dawn ukoll bnedmin li għandhom qalb. Dawn ukoll huma bnedmin tad-demm u l-laħam.
Ċert li fil-Ħabs ta’ Malta jsir xogħol ta’ riablitazzjoni u preparazzjoni għal meta jerġgħu lura fis-soċjetà, wara l-esperjenza tal-ħabs. Madankollu fadal ħafna xi jsir. Donnu qatt mhu biżżejjed. Bi studju u bi ħsieb, bi pjan u investiment, nistgħu nibdew naraw riżultati tajbin u pożittivi, u fuq kollox naraw li ż-żieda fil-kriminalità jekk din ma tasalx biex titnaqqas, għall-inqas tieqaf tikber.
Għal aktar informazzjoni dwar din il-kampanja, wieħed jista jċempel fuq 77480241.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 18 ta’ Frar, 2025
//= $special ?>