“Il-Gvern qed jagħmel minn kollox biex jaqta’ kull delizju li għandu l-poplu Malti.”
“Kellna fejn nipprattikaw dak li dejjem ħabbejna u spiċċajna b’xejn.”
“Pajjiż qerduh, lanqas hobby ma jista’ jkollok.”
Dawn huma biss ftit mill-kummenti ta’ persuni dilettanti tad-Drag Racing wara li Net News żvela kif il-Malta Drag Racing Association tinsab diżappuntata rigward ix-xogħol wieqaf fil-kwart ta’ mil ta’ Ħal Far – minkejja l-ħafna wegħdi tal-Gvern.
U s’issa, kulma rajna kienet trakka li nqalgħet u tkissret – fejn ix-xogħol ilu wieqaf ix-xhur. Il-proġett suppost beda lura fl-14 ta’ Diċembru. U kulma sar huwa 9 sigħat xogħol bla ebda progress għat-tlestija tat-trakka tal-kwart ta’ mil li tintuża proprju għad-drag racing.
Din l-apatija min-naħa tal-Gvern hija turija ċara li l-Partit Laburista m’għandux fiċ-ċentru tal-politika tiegħu l-bżonnijiet tan-nies, b’mod speċjali fejn jidħol l-isport lokali; minkejja li l-motorsport, is-sena l-oħra, ġab tant unur lil pajjiżna.
Id-dilettanti sportivi issa qed jgħidu li minn kwart ta’ mil… it-trakka saret obstacle course għad-dilettanti tal-off road. B’persuna oħra tgħid li issa huwa ċar kemm għall-pożi jieħdu l-ewwel.
Il-Partit Nazzjonalista ilu għal dawn l-aħħar snin jappella lill-Gvern Laburista sabiex isir investiment veru f’dan is-settur. Dan biex ma nsemmux it-trakka ewlenija – mhux dik tal-kwart ta’ mil – li baqgħet biss wegħda fuq l-ixkaffa. Bid-Deputat Nazzjonalista, David Agius saħaq li hu “se jibqa’ jaħdem sabiex naraw li dan l-isport ikompli f’pajjiżna”.
Intant, wara li Net News kixef dak li għaddej verament… mijiet ta’ dilettanti tad-drag racing fakkru kif il-Gvern prova jibda xi ħaġa “għall-cameras” biss. Biex imbagħad waqaf kollox. Dan filwaqt li oħrajn ikkummentaw b’mod aktar ikkulurit.







Ritratt: Martin Agius