Priġunier li kien abbużat sesswalment meta kien tifel, qal fil-Qorti kif priġunier ieħor immolestah sesswalment fiċ-ċella tiegħu x-xahar li għadda. Ir-raġel iddeskriva kif fit-22 ta’ Jannar, Anthony Pirotta mar fiċ-ċella tiegħu u mess il-koxxa minn fuq tiegħu mbagħad qallu kliem vulgari.
Din l-esperjenza, qal, kkaġunatlu ħafna ansjetà u fittex appoġġ mingħand social worker fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. “Wara li ġara dan kollu, ridt inweġġa’ lili nniffsi u lilu fl-istess ħin u ridt nitlob għall-għajnuna dan għaliex meta kont żgħir kont abbużat sesswalment. Meta kont żgħir kont ngħix l-Eġittu u kont imġiegħel nagħmel ċertu affarijiet,” qal il-priġunier.
Il-priġunier, li ismu mhux qed jiġi ppubblikat biex tiġi protetta l-identità tiegħu, xehed quddiem il-Maġistrat Nadina Lia fil-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront Pirotta ta’ 68 sena li kemm il-darba nstab ħati ta’ reatisesswali.
Huwa qed iwieġeb mhux ħati li ta fastidju lil priġunier u li wettaq atti mhux kunsenswali ta’ natura sesswali fi ħdan il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Ix-xhud spjega li kien il-ħabs u tmexxa lejn id-Diviżjoni 13 wara li ra terapista. Iċ-ċella ta’ Pirotta kienet tinsab tliet ċelel bogħod minn tiegħu.
Fil-ħin liberu, meta ma jkunux fiċ-ċelel tagħhom, Pirotta kien qed ikun ħbieb ħafna miegħu u jistaqsih jekk għandux bżonn xi ħaġa. Offrilu xi sapun u biċċa ta’ l-art biex inaddaf iċ-ċella tiegħu. Saħansitra offrielu boxer shorts iżda kienu maħmuġin u talbu biex jara l-jeans tiegħu.
Ftit tal-ħin wara, meta reġgħu biex imorru lura fiċ-ċelel tagħhom, Pirotta daħal fiċ-ċella tiegħu u messlu n-naħa ta’ fuq tal-koxxa. Ix-xhud qal li talbu jitlaq u jħallih bi kwietu u Pirotta hawn qallu kliem vulgari. Huwa qallu: “Inti teġekula”? Il-priġunier imbagħad qallu biex jitlaq u qal lil gwardjan tal-ħabs x’kien ġara. L-Ispettur Gabriel Kitcher mexxa l-prosekuzzjoni bl-assistenza tal-avukat Miriayah Borg mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għall-akkużat dehret l-avukat tal-għajnuna legali Julia Micallef Stafrace. Il-każ ikompli.
//= $special ?>