Raġel ta’ 39 sena minn Tas-Sliema ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin u mmultat €3,600 wara li nstab ħati kellu d-droga kokaina fl-ammont ta’ 28.8 grammi fit-terminal taċ-Ċirkewwa. Huwa kien qed jinsisti li d-droga kienet għal użu personali, iżda l-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil qablet mat-teżi tal-prosekuzzjoni.
Kien fl-20 ta’ Jannar 2021 meta Bjorn Grima ġie arrestat mill-Pulizija wara li rċeviet informazzjoni li dan kien qed imur Għawdex bid-droga. Fl-istqarrija lill-Pulizija qal li kien jaħdem bit-taxi u kien jgħix m’ommu l-Belt u għalkemm ammetta li kellu d-droga insista li kienet għall-użu tiegħu fejn qal li kien ilu 7 snin jieħu l-kokaina.
Grima tressaq mill-Ispettur Alfredo Mangion bil-pussess tal-kokaina f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor. Fil-Qorti xehdu diversi uffiċjali tal-Pulizija li spjegaw kif fil-karozza, li fiha kien hemm ukoll mara, sabu d-droga mgeżwra fil-masking tape, €900 fi flus kontanti u żewġ mobiles.
Il-mara xehdet li hi u Grima kienu jmorru jieklu Għawdex u rrakkuntat kif il-pulizija fittxew fuqha u kif kellha qatgħah kbira waqt li sostniet li minn dakinhar qatgħet kull kuntatt mal-akkużat. Wara li semgħet il-provi, il-Maġistrat Camilleri Busuttil qalet li tiqs l-ammont ta’ 28.8 grammi kokaina mhuwiex ammont li wieħed normalment jassoċjah ma’ użu personali.
Qalet li l-akkużat ma ġabx prova li d-droga kienet għalih speċjalment meta fil-karozza nstabu wkoll il-masking tape simili għal dak li fih kienet imgeżwra d-droga. Żiedet li l-akkużat ftit huwa kredibbli meta nstab fil-pussess ta’ €900 u qal li t-taxi kien neħħieha dik il-ġimgħa peress li naqaslu x-xogħol.
Għal dawn ir-raġunijiet sabitu ħati u meta ġiet biex tagħti l-piena qieset, fost oħrajn, li huwa lest isegwi programm mal-Caritas. Minbarra s-sentenza ta’ ħabs sospiża u l-multa hija ordnat il-konfiska ta’ €3,000 marbuta mal-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor u ordnatlu jħallas €1,723 fi spejjeż tal-esperti mqabbda biex jixhdu dwar dan il-każ.
//= $special ?>