Internazzjonali

Volodymyr Zelensky determinat biex ma jċedix art lir-Russja – li min-naħa tagħha ma taċċettax il-preżenza tal-militar tan-NATO fl-Ukrajna

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qed jenfasizza li pajjiżu mhux se jċedi territorju lir-Russja wara kważi tliet snin ta’ aggressjoni fuq pajjiżu mill-qawwiet tal-Kremlin.

U waqt diskors, fit-Turkija, Zelensky qal li l-artijiet Ukreni tal-Lvant u l-penisola tal-Krimea (li ilha mill-2014 okkupata mir-Russi) huma tal-poplu tiegħu – l-istess ‘bħall-ibliet u l-villaġġi kollha li spiċċaw ikkontrollati mill-qawwiet tal-Kremlin b’kaġun tal-konflitt’.

Intant, l-Istati Uniti u r-Russja fl-aħħar sigħat temmew it-taħditiet kontroversjali dwar il-gwerra tal-Ukrajna li saru fl-Arabja Sawdija u fejn ir-Russi esprimew ruħhom sodisfatti ħafna bir-riżultat tad-djalogu.

Dan wara li l-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, iltaqa’, f’Riyadh, mas-Segretarju tal-Istat Amerikan, Marco Rubio – u meta l-Ewropa, l-istess bħall-Ukrajna, kienet kompletament eskluża minn din il-fażi konsultattiva preliminarja.

L-aktar punt li spikka, fl-aħħar sigħat, kienet l-istqarrija tal-Kremlin li l-President Russu, Vladimir Putin, jinsab lest biex jitkellem mal-President Ukren, Volodymyr Zelensky, f’każ li jqis li ħaġa bħal din tkun neċessarja.

Iżda hu minnu wkoll li – fi kliem Lavrov – ir-Russja mhix se taċċetta l-preżenza ta’ suldati tan-NATO fl-Ukrajna bħala parti minn kwalunkwe ftehim għall-paċi.

Dan wara li l-Prim Ministru Britanniku, Keir Starmer, qal li ‘jinsab lest biex jistazzjona l-militqar tar-Renju Unit fl-artijiet tal-Ukreni wara l-konklużjoni ta’ waqfien mill-ġlied.

Is-Segretarju Amerikan Rubio, intant, qal li l-aħħar fażi ta’ taħditiet mar-Russja hi l-ewwel pass fi triq twila u diffikultuża lejn it-tmiem tal-konflitt fl-Ukrajna.

U jiġri x’jiġri minn issa ‘l quddiem, ftit hemm dubju li r-Russja ħadet eżattament dak li riedet mi-laqgħa ta’ Ridyah. F’dan il-każ opportunità kbira biex turi lid-dinja li – grazzi għall-politika tal-President Amerikan Donald Trump – qed tirritorna mill-ġdid fi rwol prestiġjuż relatat mad-diplomazija globali u minkejja l-fatt li kienet dejjem l-aggressur indiskutibbli fil-konflitt.