Lokali

Deputati Laburisti jirrifjutaw talba dwar ftehim tal-MTA

Deputati Laburisti mblukkaw talba mix-Shadow Minister Darren Carabott waqt laqgħa tal-PAC – talba li saret sabiex ikun magħruf min irċieva biljetti għal-logħob tat-tim Ingliż Manchester United f’Old Trafford, bħala parti mill-ftehim ta’ sponsor mill-MTA ma’ dan l-istess klabb.

Waqt laqgħa tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, iċ-Chairperson Darren Carabott talab lis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tat-Turiżmu għal informazzjoni dwar il-ftehim tal-MTA mal-klabb tal-Premier League Ingliż.

Huwa talab kopja tal-ftehim, lista ta’ nies li marru jaraw logħob ta’ Manchester United bħala riżultat tal-ftehim, u dettalji tal-benefiċċji li rċevew.

Id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield ma oġġezzjonax li jippreżenta l-kuntratt, iżda oġġezzjona għat-talbiet l-oħra. Bedingfield sostna li benefiċċji bħal biljetti b’xejn ma kinux kompitu tal-PAC, u li l-biljetti ġew mogħtija mill-klabb.

Darren Carabott sostna li huwa fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi li nkunu nafu min irċieva l-biljetti bħala riżultat ta’ ftehim ta’ sponsorship imħallas minn fondi pubbliċi.

L-erba’ membri tal-gvern fil-PAC ma qablux u vvutaw kontra t-talba li ressaq Carabott.

L-MTA kienet estendiet il-ftehim tagħha ma’ Manchester United fl-2022 għal ħames snin oħra filwaqt li l-gvern irrifjuta li jiżvela kemm nefaq fuq il-ftehim, u qal biss li l-ispekulazzjoni dwar prezz ta’ €20 miljun ma kienet “imkien qrib” l-ammont attwali.