Lokali

“Għal darba oħra l-Qorti tkun l-unika tarka taċ-ċittadin u twaqqaf abbuż serju ieħor tal-awtoritajiet pubbliċi” – Il-PN

Ix-Shadow Ministers Stanley Zammit, Rebekah Borg u Mark Anthony Sammut stqarrew li l-Partit Nazzjonalista jirreferi għad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell li llum annullat il-permess għall-proġett tal-Capitanerie fil-Marina f’Ta’ Xbiex. Din id-deċiżjoni tikkonferma l-abbuż serju li qed isir fis-settur tal-ippjanar, fejn l-istituzzjonijiet suppost responsabbli mill-protezzjoni tal-interess pubbliku qed jiġu abbużati mill-Gvern Laburista biex jiġu aġevolati l-ftit.

Il-Qorti għal darba oħra ċanfret lill-Awtorità tal-Ippjanar, liema awtorità l-Gvern Laburista rriduċieha f’Awtorità tal-Permessi, talli injorat kompletament ir-regoli u l-proċeduri tal-ippjanar u ħarġet permess li qatt ma kellu joħroġ.

L-istess Qorti kkundannat lil Transport Malta li naqset mill-korrettezza u mit-trasparenza meta serviet ta’ konsulent li jagħti l-parir professjonali u tekniku dwar il-merti tal-izvilupp li tiegħu kienet applikant hi stess.

Il-Partit Nazzjonalista ilu jħeġġeġ għal governanza trasparenti u kontabbli fi ħdan l-awtoritajiet regolatorji bħall-Awtorità tal-Ippjanar u Transport Malta. Dan il-każ jikkonferma l-impunità u l-arroganza fil-ġestjoni tal-art pubblika fejn il-proċessi meħtieġa mhumiex jiġu segwiti u l-interessi kummerċjali qegħdin jiġu elevati ’l fuq minn dawk tal-komunità u tal-ambjent.

Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Awtorità tal-Ippjanar ma tibqax ċassa quddiem din ir-revoka tal-permess, bħalma għamlet f’każi oħra bħall-każ tal-pixxina tal-Ministru Ian Borg, u tieħu dawk l-azzjonijiet li tistipula l-liġi biex verament isseħħ il-ġustizzja.

Fi stqarrija, ix-Shadow Ministers qalu li dan il-każ juri, għal darba oħra, kif Robert Abela jgħid ħaġa u jagħmel oħra. Għalkemm din l-applikazzjoni kienet għadha pendenti fl-appell, Transport Malta – li kienet l-applikant għall-permess – xorta bdiet u kompliet bix-xogħlijiet, minkejja l-wegħda li kien għamel Abela stess sentejn ilu li kull permess taħt appell jitwaqqaf sakemm tinqata’ d-deċiżjoni finali.

L-Awtorità tal-Ippjanar ma għandhiex toħloq xi labirint burokratiku ieħor li jikkastiga lill-ħafna u jippremja lill-ftit sabiex tagħti l-impressjoni li qed tagħmel xi ħaġa.

Is-soluzzjoni għal dawn il-ħniżrijiet hija bidla fit-tmexxija tal-pajjiż.

M’għandniex bżonn tmexxija li tagħmel bidliet sfurzati li jwasslu biss għal istema burokratika li taġevola lil min hu b’saħħtu u tkisser lid-dgħajjef.

Il-Partit Nazzjonalista jwiegħed deċiżjonijiet serji, trasparenti u konsistenti li jnisslu fiduċja u jagħtu s-serħan tal-moħħ.

Sa mill-ewwel ġurnata fit-tmexxija tal-pajjiż il-Partit Nazzjonalista jniedi riforma radikali u jimplimenta proċess ta’ re-engineering komplet tal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex din tkun indipendenti mill-politiċi u mill-ispekulaturi u biex din u l-awtoritajiet pubbliċi kollha jkunu awtoritajiet korretti u ġusti.