Lokali

“Grazzi tal-ħidma u d-dedikazzjoni lejn is-soċjetà” – Bernard Grech

Grazzi kbira tas-sehem tagħkom u l-ħidma li għamiltu fis-soċjetà.

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech hekk kif fil-ġimgħa ddedikata lill-ġustizzja soċjali, flimkien max-Shadow Minister Ivan Bartolo, żar lir-residenti tad-Dar tal-Kleru.

Il-messaġġ kien wieħed ta’ ringrazzjament fejn b’turija ta’ apprezzament is-saċerdoti anzjani, wara snin ta’ servizz u talb, kienu mogħtija rigal ċkejken bħala tifkira.

Diversi kienu dawk li rringrazzjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista fejn flimkien mal-bqija tad-Deputati għaddej b’ħidma sfieqa favur il-familji Maltin u Għawdxin.

Bernard Grech kien gwidat mid-Direttur tad-Dar tal-Kleru Dun Anton Portelli fejn spjegalu l-ħidma li ssir ma’ dawn ir-residenti li jirrikjedu kura u attenzjoni, iżda fuq kollox rispett u mħabba.

Bħalissa fid-Dar tal-Kleru hemm aktar minn 40 saċerdot residenti – fejn b’kollox matul dawn is-snin kollha d-Dar tal-Kleru ospitat aktar minn 2,400 resident li taw servizz lill-Knisja f’Malta u fl-artijiet tal-Missjoni.

F’din il-ġimgħa tant spejċali ddedikata lill-Ġustizzja Soċjali; il-Partit Nazzjonalista xtaq juri l-apprezzament tiegħu lil dawn il-persuni li verament iddedikaw ħajjithom għal vera tifsira ta’ ħidma lejn is-Soċjetà Maltija.