Internazzjonali

Il-Brażil: L-Eks President Bolsonaro akkużat dwar attentat għal kolp ta’ stat

Il-Prosekutur Ewlieni fil-Brażil akkuża lill-Eks President Brażiljan, Jair Bolsonaro, bħala l-protagonista f’attentat għal kolp ta’ stat, wara li l-Eks Mexxej estremista tal-lemin kien tilef l-elezzjoni presidenzjali tal-2022 kontra l-President Brażiljan attwali, Luiz Inácio Lula da Silva.

Skont il-Prosekutur, il-kumplott allegat kien intiż biex iwaqqaf lil Lula da Silva, il-kandidat tax-xellug, milli jieħu l-poter u meta, allegatament, kien hemm anki kumplott biex l-istess Lula ‘jispiċċa vvelenat’.

Sadanittant, Bolsonaro, li għandu 69 sena, qed jiċħad kategorikament dwar sehem f’xi kumplott u wisq anqas rigward l-allegazzjonijiet dwar attentat ta’ qtil. Hu jinsisti li llum spiċċa l-vittma ta’ persuni u uffiċjali li qed jivvintaw l-affarijiet fuqu għall-aġenda personali tagħhom.

Intant, għandha tkun il-Qorti Suprema fil-Brażil li tiddeċiedi jekk taċċettax l-akkużi tal-Prosekutur u jekk Bolsonaro għandux ikun suġġett għal proċess tal-Qorti – flimkien ma’ 33 persuni oħra taħt akkuża.

Il-Brażil għadu sal-lum polarizzat, xi sentejn u nofs wara l-elezzjoni presidenzjali – u meta l-kritiċi ta’ Bolsonaro qed jiċċelebraw l-impenn tal-Prosekutur, fost l-insistenza kollettiva li ‘l-Eks President Bolsonaro ħaqqu jiskonta terminu ta’ ħabs’.

Madankollu, hu proprju l-Imħallef tal-Qorti Suprema, Alexandre de Moraes, li jrid jikkunsidra l-merti tal-akkużi miġjuba mill-Prosekutur Ewlieni waqt li jiddeċiedi jekk Bolsonaro għandux jgħaddu minn proċess tal-qorti ‘totali’.

Ma hemm l-ebda deadline għal Moraes biex jasal għal deċiżjoni u meta l-esperti legali qed jistennew li hu jippermetti għall-proċess tal-Qorti li kapaċi jibda ‘l quddiem din is-sena. Fl-istess ħin, l-analisti politiċi qed jgħidu li proċess tal-Qorti potenzjali għal Bolsonaro kapaċi jkollu impatt qawwi għall-elezzjoni tal-2026 li mill-ġdid tiddeċiedi l-Presidenza tal-Brażil.