Lokali Parlament

Il-Gvern Laburista se jneħħi dritt li għandu ċ-ċittadin li jiftaħ inkjesta; dritt li tah Gvern Nazzjonalista

Joe Giglio, PN

Ix-Shadow Minister għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Joe Giglio qal fil-Parlament li bl-emendi dwar l-inkjesti, il-Gvern Laburista se jneħħi dritt li għandu ċ-ċittadin li jiftaħ inkjesta; dritt li tah Gvern Nazzjonalista.

Joe Giglio qal li din il-liġi ddgħajjef id-dritt tċ-ċittadin li jitlob inkjesta b’maġistrat u żied li Gvern Nazzjonalista introduċa din il-liġi bħala għodda liċ-ċittadin biex juzaha meta ma jkunx sodisfatt bl-investigazzjonijiet tal-Pulizija.

Il-liġi kienet tipprovdi bosta salvagwardji fosthom li l-maġistrat jara d-dokumenti u l-allegazzjonijiet li jitressqu miċ-ċittadin, li t-talba tkun notifikata lill-persuna suspettata li jingħata d-dritt li jirrispondi u l-maġistrat jiddeċiedi. Kien hemm hemm ukoll id-dritt tal-appella li tirrevedi d-deċiżjoni li tkun ittieħdet.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-Gvern Laburista jrid joħnoq dan id-dritt taċ-ċittadin għalkemm esponenti tal-PL, b’mod kontradittorju, iridu jagħmlu inkjesta bil-maġistrat biex isiru inkjesti fuq il-PN. Hu kompla li hu assolutament mhux minnu li l-maġistrati jiddeċiedu l-inkjesti fuq xi informazzjoni miksuba minn ġo xi ħanut.

Joe Gigilio qal li mill-esperjenza tiegħu fil-Qorti ma jafx bl-ebda inkejsta li bidet fuq xi allegazzjonijiet li nstemgħu f’xi ħanut; dan qed isir b’intenzjoni li titnaqqas il-kredibbiltà tal-maġistrati. Jirriżulta, bil-fatti, li kien hemm lok li jsiru l-inkjesta bil-maġistrat tant li diversi persuni kienu akkużati b’diversi reati li l-Kummissarju tal-Pulizija għażel li jabdika mir-responsabbiltà tiegħu li jinvestiga u jimxi skont l-investigazzjonijiet tal-maġistrat.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern qed idaħħal mekkaniżmu li qed jagħmilha diffiċli ħafna biex din l-għodda tkompli tintuża.

Hu sostna li dan l-abbuż qed jagħmilha diffiċli ħafna liċ-ċittadin biex jiftaħ inkjesta, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li kien hemm okkażjonijiet fejn it-talbiet għal inkjesti ma kinux milqugħa għaliex mhux kull talba li ssir tkun awtomatikament milqgħuha. Diġà kien hemm salvagwardji fil-liġijiet Maltin f’dan il-kuntest.

Joe Giglio kompla li fir-realtà u fil-prattika, tant hemm miżuri li se jkunu introdotti, li se tkun diffiċli ħafna biex ċittadin juża’ din l-għodda. Għalhekk din il-liġi qed issir biex telimina d-dritt taċ-ċittadin privat biex dan jiftaħ investigazzjoni bil-maġistrat.

Hu kkritika l-attakki li l-gvern għamel fuq id-diversi persuni li kkummentaw fuq din il-liġi; fost dawn kien hemm Eks Prim Imħallfin, Eks Imħallfin u individwi oħra. Id-deputat Nazzjonalista kompla li dawn l-attakki ma jmisshom qatt saru għaliex kulħadd għandu d-dritt li jesprimi l-opinjoni tiegħu. Il-PN mill-ewwel oppona din il-liġi bil-qawwa kollha tiegħu.