Lokali Parlament

Il-Gvern Laburista qed inaqqas id-demokrazija

Paula Mifsud Bonnici, PN

L-Assistent Whip u Shadow Minister għall-Anzjanità Attiva Paula Mifsud Bonnici qalet fil-Parlament li bil-liġi dwar l-inkjesti, il-Gvern Laburista qed inaqqas id-demokrazija fil-pajjiż.

Paula Mifsud Bonnici qalet li l-liġi dwar l-inkjesti se tneħħi d-drittijiet taċ-ċittadini għall-ftuħ ta’ inkjesti u qalet li dan l-abbozz ma kienx fil-programm elettorali tiegħu iżda jrid iressqu bl-għaġġla biex jipproteġi lil min irid.

Dan filwaqt li hemm liġijiet oħra li huma fil-programm elettorali iżda qatt ma tressqu. Fost dawn hemm liġijiet dwar l-anzjani u persuni vulnerabbli fil-protezzjoni mill-abbuż li ilhom imwiegħda mill-2014.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-gvern ma kkonsultax għaliex kieku ma kienx ikun hemm dan l-abbozz. Hi semmiet id-diversi entitajiet u persuni li kkritikaw din il-liġi u li ddeskrivewha bħala waħda li tkisser id-drittijiet taċ-ċittadini. Minkejja dan, il-gvern irid jiqba’ għaddej biha.

Paula Mifsud Bonnici qalet li din il-liġi qed tnaqqas id-demokrazija u l-pajjiż sar wieħed dittatorjali. Hi sostniet li l-poter tal-gvern qed ikun preservat iżda għax jikkontrolla lin-nies. Din hi liġi intiża biss biex il-gvern jipproteġi lilu nnifsu, sostniet Paula Mifsud Bonnici.

Il-Prim Ministru kellu l-ardir jikkritika wkoll lill-Eks Prim Imħallef Mifsud Bonnici li llum hu mejjet meta l-fatti huma li meta Robert Abela kien avukat kien imur għand l-istess Prim Imħallef biex jikkonsulta miegħu. Minbarra dan, il-Prim Ministru attakka lill-maġistrati li kienu qed imexxu l-inkjesti, qalet Paula Mifsud Bonnici, li spjegat kif meta Anġlu Farrugia lissen kelma dwar maġistrat, Joseph Muscat kien neħħih mill-PL.

Paula Mifsud Bonnici kompliet li l-liġi li qed jipproponi l-gvern ġabet diversi oġġezzjonijiet mill-Oppożizzjoni fosthom minħabba l-fatt li ċittadin privat ma jistax ikollu l-istess aċċess li jkollu maġistrat għall-evidenza. Dan kollu qed isir biex iċ-ċittadin jaqta’ qalbu u ma jmur jiftaħ inkjesta. Il-PN ma jaqbilx li l-liġi ssir b’lura għaliex l-iskop hu li l-gvern joqtol kull inkjesta li hemm pendenti, sostniet Paula Mifsud Bonnici.