Darren Carabott, PN
Ix-Shadow Minister għall-Intern Darren Carabott qal fil-Parlament li bil-liġi dwar l-inkjesti, il-Gvern qed jitfa’ l-piż tal-ġbir tal-provi u evidenza fuq iċ-ċittadin meta dan m’għandux ir-riżorsi neċessarji.
Id-deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal li l-gvern għadu ma ta l-ebda raġuni għaleix irid iressaq din il-liġi bl-għaġġla iżda m’għamel xejn dwar id-dewmien fil-qrati u l-electronic tagging. L-għaġġla tal-gvern u l-prijorità għalih hi li jagħmel sarima maċ-ċittadin li jrid ġustizzja.
M’hemmx ukoll raġuni għaliex il-gvern irid idaħħal din il-liġi b’lura, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-ħasil ta’ flus hu wieħed mill-iktar reati diffiċli biex issolvi. Hu staqsa kif quddiem din is-sitwazzjoni, issa l-piż ta’ probabbiltà f’dawn il-każi se jintefa’ fuq iċ-ċittadin.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li ċ-ċittadin irid bilfors imur għand il-Kummissarju tal-Pulizija li issa se jkollu l-poter li tinfetaħ inkjesta maġisterjali. Jekk wara sitt xhur, ma tinfetaħx inkjesta, iċ-ċittadin irid iressaq rikors quddiem imħallef u jippreżenta evidenza li jrid jiġbor.
Darren Carabott kompla li l-gvern qed jagħlaq ħalq iċ-ċittadin, li issa jrid iressaq l-informazzjoni daqslikienu tkun saret inkjesta. Il-maġistrat dejjem kellu rwol investigattiv li jiġbor l-informazzjoni bil-ħatra ta’ esperti; flok il-maġistrat li jinvestiga issa jrid ikun iċ-ċittadin li jinvestiga meta dan m’għandux ir-riżorsi jew l-esperti disponibbli. Il-gvern irid jimmulta wkoll lil min jipprovdi informazzjoni iżda ma jkunx hemm il-provi kollha.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern qed jimponi wkoll terminu u insista li l-ġudikatura għandu jkollha r-riżorsi neċessarji biex tinvestiga.
Hu staqsa għaliex il-gvern qed idaħħal din il-liġi li tapplika wkoll fuq inkjesti tal-passat u spjega kif fl-aktar każi kbar ta’ korruzzjoni, ma kienx il-Kummissarju tal-Pulizija li investiga iżda kien iċ-ċittadin li pprovda l-informazzjoni.
Darren Carabott qal li Gvern ġdid Nazzjonalista se jneħħi din il-liġi u jħalli biss dawk il-partijiet li jagħtu drittijiet ġodda liċ-ċittadini fl-inkjesti. Dan biex iċ-ċittadin jerġa’ jkollu d-dritt li jmur għand maġistrat u jiftaħ inkjesta, sostna Darren Carabott, li kkundanna l-attakki li saru fuq il-ġudikatura u esponenti li tkellmu kontra dan l-abbozz.
Hu semma’ l-każ ta’ Christian Borg u kif il-Prosekuzzjoni naqset milli tipprovdi traskrizzjoni ta’ Christian Borg; liema eżerċizzju jdum 12-il minuta biex jinkiseb. Hu qal li dawn il-poteri se jingħaddew għand Kummissarju tal-Pulizija li ma jinvestigax, kif għamel f’diversi każi fosthom tal-isptarijiet.
//= $special ?>