Ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Karol Aquilina għamel esperiment biex jara x’biċċa xogħol kbira kellu bżonn jagħmel il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà biex jipprova fil-Qorti l-akkużi ta’ ġurament falz kontra s-sieħeb fin-negozju tal-Prim Ministru Robert Abela, Christian Borg.
Jumejn ilu, Borg ġie illiberat mill-Qorti minħabba li l-Kummissarju tal-Pulizija naqas milli jippreżenta sempliċi transcript tax-xhieda li dwarha Borg kien qed jiġi akkużat li ħa ġurament falz. Borg tressaq il-Qorti wara li l-Maġistrat Gabriella Vella talbet li jinbdew proċeduri kriminali kontrih dwar xhieda allegatament falza li ta waqt smigħ ta’ kawża ċivili fit-22 ta’ Jannar 2021.
Fil-11:30 ta’ dalgħodu, Dr Aquilina mar ir-Reġistru tal-Qorti u talab li jara l-file tal-kawża ċivili inkwistjoni. Il-file ngħatalu bla problemi ta’ xejn. Imbagħad sarulu kopji tas-seba’ paġni relevanti għall-każ kriminali. Sussegwentement, dawn il-kopji ġew awtentikati bħala “vera kopja tal-oriġinali” u ġew ittimbrati. Din il-biċċa xogħol kollha ħadet biss 12-il minuta! Fil-11:42 ta’ dalgħodu, Dr Aquilina ħareġ mill-bini tal-Qorti bit-transcript awtentikat f’idejh.
Daqshekk biss kellu bżonn jagħmel il-Kummissarju Gafà biex jipprova l-każ kontra s-sieħeb fin-negozju tal-Prim Ministru Robert Abela: 12-il minuta xogħol!
Il-Partit Nazzjonalista jinnota li dan mhux l-ewwel każ li waqa’ minħabba nuqqas banali tal-Kummissarju tal-Pulizija. Il-Partit Nazzjonalista jinnota wkoll li ħadd f’pajjiżna m’għadu jemmen li dawn huma sempliċi “żbalji”. Illum huwa ċar għal kulħadd li l-Kummissarju Angelo Gafà qiegħed fil-kariga biex jaqdi lill-kriminali ħbieb tal-Gvern, f’dan il-każ is-sieħeb fin-negozju tal-Prim Ministru Robert Abela nnifsu.
Il-Partit Nazzjonalista jesrpimi s-solidarjetà tiegħu mal-membri tal-Korp tal-Pulizija li qiegħda tittappan ir-reputazzjoni tagħhom minħabba l-imġiba tal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà.
//= $special ?>