Lokali

Il-Ministru Grima jgħid li x-xogħol għaddej fuq il-kwart ta’ mil… il-gaffa ilha fl-istess post xahrejn

Fl-14 ta’ Diċembru, b’ħafna pompi, il-Gvern mar fil-kwart ta’ mil bil-cameras biex jimmarka l-bidu tal-ħidma tal-korsa l-ġdida – b’gaffa predominanti fin-nofs iddominat ix-xena.

Il-problema hi li din il-gaffa baqgħet fl-istess post għal aktar minn xahrejn u jidher li ma ċċaqilqet assolutament xejn minn dak l-avveniment ta’ PR tal-Gvern.

Fl-aħħar jiem bosta kienu dawk li għandhom għal qalbhom id-Drag Racing li esprimew dieqa u tħassib għall-fatt li ma sar ebda xogħol. Għaldaqstant, Net News l-Erbgħa filgħodu staqsa lill-Minsitru responsabbli Clifton Grima dwar it-trakka tal-kwart ta’ mil… bil-Minsitru jisħaq li l-proġett żgur li se jitlesta sa 9 xhur oħra.

Clifton Grima saħaq li x-xogħol għaddej ġmielu u li sat-Tlieta kien hemm in-nies fil-post.

Madanakollu, Net News mar fil-post it-Tlieta… u kulma rajna kienet trakka li nqalgħet u tkissret, u xogħol li ilu wieqaf ix-xhur.

Intant, il-Ministru insista li x-xogħol beda meta marru bil-cameras lura fl-14 ta’ Dicembru… liema xogħol s’issa d-dilettanti tad-drag racing mhux jaraw l-iċken żvilupp fuqu.

Il-Partit Nazzjonalista ilu għal dawn l-aħħar snin jappella lill-Gvern sabiex isir investiment veru f’dan is-settur. Dan biex ma nsemmux it-trakka ewlenija – mhux dik tal-kwart ta’ mil – li baqgħet biss wegħda fuq l-ixkaffa. Bid-Deputat Nazzjonalista David Agius saħaq li hu “se jibqa’ jaħdem sabiex jara li dan l-isport ikompli jikber f’pajjiżna”.