Lokali Qorti

Jammettu li serqu batteriji li jiswew mad-€19,000

Żewġ persuni ammettew li serqu batteriji li jiswew sa €19,000 minn lokalitajiet differenti. Il-koppja, żagħżugħ ta’ 27 sena minn Ħal Tarxien u żagħżugħa ta’ 22 sena min-Naxxar, ġew mixlija li serqu tliet batteriji użati fi prodotti mill-kumpanija tat-telekomunikazzjoni Melita.

Ir-raġel kien akkużat ukoll li seraq 60 batterija żejda minn postijiet differenti fosthom Ħal Tarxien, Ħal Luqa, Ħal Qormi, l-Imsida. Il-Qorti ordnat pubblikazzjoni pprojbita tal-ismijiet tal-mara, studenta u r-raġel li jinsab bla xogħol.

Huma dehru quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace u t-tnejn kienu akkużati li fit-13 ta’ Frar serqu tliet batteriji tal-kumpanija Melita minn Triq is-Salib tal-Marsa. Il-batteriji inkwistjoni huma installati f’settijiet ta’ tlieta u huma stmati madwar €19,000. Huwa mifhum nofs il-batteriji misruqa ġew ritornati lill-Pulizija.

Il-Qorti laqgħet talba għal ‘pre-sentencing report’ biex jiġi stabbilit jekk il-mara hix se tingħata ordni ta’ probation jew servizz fil-komunità. L-Avukat Alfred Abela, għar-raġel, talab ukoll ‘pre-sentencing report’ u biex jinħareġ ordni ta’ trattament fuq il-klijent tiegħu sabiex ikun jista’ jindirizza l-vizzju tad-droga sintetika tiegħu.

Il-mara ngħatat il-ħelsien mill-arrest kontra €5,000 garanzija personali, ordnata tiffirma l-Għassa tal-Pulizija tan-Naxxar tliet darbiet fil-ġimgħa u tosserva curfew bejn it-8pm u s-6am. Ir-raġel ingħata wkoll il-libertà proviżorja kontra depożitu ta’ €500 u garanzija ta’ €5,000. Irid ukoll jiffirma l-Għassa ta’ Raħal Ġdid tliet darbiet fil-ġimgħa u josserva curfew mit-8pm u s-7am.

L-avukat tal-AĠ Clive Aquilina flimkien mal-Ispettur Joseph Mercieca mexxew il-prosekuzzjoni. L-avukat Ismail Vella assista wkoll lir-raġel. L-avukat tal-għajnuna legali Maria Karlsson assistiet il-mara. Is-sentenza mistennija tingħata fil-jiem li ġejjin.