Lokali Qorti

Kurt Grech qal li missieru ma kellux x’jaqsam u kien hu biss li ta bis-sikkina

Kurt Grech li jinsab mixli flimkien ma’ missieru Joseph Grech li qatlu lil Brandon Pace, kien qal lill-Pulizija li missieru ma kellu x’jaqsam xejn mal-aggressjoni u daqqiet ta’ sikkina li wasslu għal mewt ta’ Pace. Iben Joseph qal li kien hu biss li ta bis-sikkina.

Dan ħareġ mix-xhieda ta’ kuntistabbli mit-Taqsima tal-RIU, li mar fir-residenza tal-akkużati, f’Tal-Pietà biex jarresta lill-akkużati. Huwa kien qed jixhed quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera fit-tieni jum tal-ġuri hekk kif komplew jinstemgħu aktar xhieda b’rabta mal-omiċidju ta’ Brandon Pace, missier ta’ tlett itfal li kellu 21 sena u li kien magħruf bħala “Il-Galalli”.

Joseph Grech ta’ 61 sena u Kurt Grech ta’ 31 sena magħrufa bħala “Tan-Nemes”, jinsabu akkużati bil-qtil taż-żagħżugħ fil-Ħamrun. L-uffiċjal mit-Taqsima tal-RIU, li mar fir-residenza tal-akkużati, mhux biss kien sostna li hu biss li ta d-daqqiet bis-sikkina lil Pace, iżda qal ukoll li Kurt kien midrub u beda jżomm sidru.

Il-kuntistabbli qal li fil-kamra tal-banju tar-residenza, il-Pulizija sabu xi garżi bid-demm, x’aktarx li Grech prova jdewwi lilu nnifsu. Kuntistabbli wkoll mill-RIU, xehed li meta l-Pulizija marru fuq il-post tal-inċident, Lisa Pace, omm il-vittma bdiet tgħajjat ” Qatluhuli, Qatluhuli … In- Nemes, in-Nemes”.

Qal ukoll li l-Pulizija saru jafu bis-suspettati wara li xi ħadd mill-familja Grech ċempel għall-ambulanza, għaliex Kurt Grech kien qala’ xi daqqiet ta’ sikkina f’sidru. It-tnejn qed iwieġbu mhux ħatja tas-seba’ akkużi li qed jiffaċċjaw.

Imħallef tordna lill-pulizija biex tinvestiga xhud, ieħor imwissi u tarresta lill-“Quws”

Sadanittant l-Imħallef Scerri Herrera ordnat lill-pulizija tinvestiga wieħed mix-xhieda fuq allegat ġurament falz. L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ordnat lill-pulizija tinvestiga lil Doris Pace talli gidbet taħt ġurament.

Fix-xhieda tagħha, Doris Pace qalet li kienet tgħix fl-appartament taħt Brandon Pace. Dakinhar tal-inċident, kienet ġewwa tara t-televiżjoni mas-sieħeb tagħha, meta semgħet għajjat ​​u marret fil-gallarija. Hija rat madum nieżel mill-gallarija ta’ fuq tagħha, mid-dar ta’ Brandon Pace.

Jessica Bilocca kienet qed titfa’ l-madum. Hija rat lil omm Brandon Pace toħroġ biex tikkalma s-sitwazzjoni. “Kien hemm Kurt u missieru fit-triq. Kienu ġew jiġġieldu. Kurt kellu sikkina. Imbagħad Brandon ħareġ bix-xorts u ma kelluxejn f’idu.

“Huwa resaq lejn Kurt u waqa’ mal-art fuq Kurt. Qam mill-ewwel u kienet xena li ma ninsa qatt. Brandon kien miksi bid-demm. Huwa kien izappap u jżomm naħa tiegħu miksija bid-demm. Imbagħad daħal fil-flat u ma rajt xejn aktar hekk kif dħalt ġewwa.”

Hija ġiet imfakkra li meta xehdet waqt l-inkjesta wara l-inċident, qalet li ma rat xejn. Qalet li bilfors kienet taħt xokk. Wara diversi twissijiet, l-imħallef ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija biex tinvestiga lil Doris Pace dwar xhieda falza. Ordnat ukoll li Doris Pace tkun arrestata sakemm tiġi interrogata mill-pulizija.

Xhud ieħor irċieva twissija simili mill-imħallef. Joseph Vella, anzjan, qal li kien joqgħod fi Triq Giovanni Barbara f’appartament fil-pjan terran fi ħdan il-qasam tad-djar. Dakinhar tal-inċident, kien id-dar meta l-kelb tiegħu beda jibaħ u ħareġ barra biex jara x’ġara.

Biddel il-verżjoni tliet darbiet

Huwa ra liż-żewġ akkużati li kienu qed jgħajtu u jisfidaw lil Brandon Pace biex jiġġieled. Ipprova jgħidilhom biex jitilqu iżda għalxejn. Imbagħad Pace niżel mill-appartament tiegħu. “Hu niżel isfel fejn kien qala’ daqqa taʼ sikkina immedjatament. Rajt tliet skieken, tnejn f’idejn l-iben u waħda f’idejn il-missier.

“Huwa waqa’ mal-art immedjatament. Imbagħad niżlu fuqu. Rajt idejn telgħin u neżlin ’l fuq u ’l isfel bħal magna tal-ħasil,” qal u żied li Pace imbagħad mar lejn il-bieb ta’ barra tal-blokk tal-appartamenti. “Ġera lejn il-bieb u ngħata l-aħħar daqqa. Huwa kien ingħata daqqa ta’ sikkina mill-missier. Imbagħad waqa’ għal mejjet quddiem il-bieb,” u żied li ma ra xejn f’idejn Pace.

Qal ukoll li ma jiftakarx li ra xi ħadd miż-żewġt irġiel iweġġa’. Taħt kontro-eżami, l-avukati tad-difiża fakkruh li kien qal li ra lil Pace iġorr sikkina fix-xhieda preċedenti. L-Imħallef innotat li kien biddel il-verżjoni tiegħu tliet darbiet: meta xehed waqt l-inkjesta fejn qal li Pace ma kellux sikkina, waqt il-kumpilazzjoni tal-provi qal li kellu, u issa kien qed jgħid li ma kellux sikkina.

Il-Qorti fakkritlu li, waqt il-kumpilazzjoni tal-provi, huwa qal li ra lil Pace bis-sikkina u laqat liż-żagħżugħ, u weġġgħu. Meta mistoqsi liema kienet il-verità, jekk Pace kellux sikkina jew le, qal li ma jiftakarx. Wara diversi twissijiet, il-Qorti ordnat li jinżamm arrestat sakemm jerġa’ jissejjaħ biex jixhed. Hija wissietu li seta’ jinstab ħati ta’ ġurament falz.

Jixhed il-Quws u jispiċċa investigat
Xehed ukoll Melvin Debono magħruf bħala “Il-Quws”, li dak iż-żmien kien joħroġ ma’ oħt il-vittma. Spjega li dakinhar hu u Dona Pace kienu fil-karozza l-Ħamrun u t-tfajla talbitu jwassalha quddiem ir-residenza. Fil-kumpilazzjoni, Debono qal li kien ra argument, lill-akkużati u lill-vittma bis-skieken inkluż għajjat, glied u f’xi stadju niżel iferraqhom.

Madanakollu, fil-ġuri qal li ma jiftakar xejn jew ma jafx għax wara li wassal lit-tfajla tiegħu telaq minn fuq il-post. L-imħallef Scerri Herrera ssospendiet ix-xhieda ta’ Debono u talbet li jinżamm arrestat minħabba li jidher li x-xhud qed jixhed falz taħt ġurament.

Wara xehed ħu Jessica Bilocca, it-tfajla li dak iż-żmien kienet qed toħroġ mal-vittma u għandha tifel mill-akkużat Kurt Grech. Qal li dakinhar tal-omiċidju, iltaqa’ mat-tifel ta’ Bilocca u Grech il-korsa tal-Marsa. Tenna li t-tifel ried li jmur miegħu, informa lin-nanniet Joseph u Anna Maria Grech u marru għand ommu.

Komplew jagħtu x-xhieda tagħhom diversi persuni fosthom Rita Bilocca, omm Jessica u qalet li dakinhar Anna Maria marret tħabtilħa l-bieb ta’ barra u nfurmata li kienet qed tiġġieled ma’ bintha. Qalet li sakemm qed tkellem lil żewġha, semgħet lil Anna tiġġieled fuq it-telephone ma’ bintha Jessica.

Qalet li lemħet lill-Kurt fuq barra u qalilha li ommu u Jessica bdew jiġġieldu. Il-prosekuzzjoni fakkret lix-xhud li fl-inkjesta xehdet li Kurt kien qalha “li din kienet ser tkun l-aħħar ġlieda għaliex kien se jmur issib lil Jessica”. Ix-xhud ikkonfermat dan id-diskors mill-ġdid u qalet li kien insiet.

Spettur mit-Taqsima tal-Foresika xehed ukoll fuq il-każ fejn waqt id-depożizzjoni tiegħu l-ġurati raw filmat tal-katavru ta’ Brandon Pace, f’għadira demm. Il-filmat wera biċ-ċar t-tliet daqqiet li qala’ f’sidru, b’waħda minnhom viċin ħafna ta’ qalbu. L-akkużati ma wrew l-ebda forma ta’ emozzjoni waqt il-wiri tal-filmat. Il-ġurati dehru kommossi u mhux komdi għas-sura li kien spiċċa fiha l-vittma.

Melvin Debono jerġa’ jiġi mitlub jixhed fuq il-każ u xorta waħda baqa’ jsostni li ma jiftakar xejn b’rabta mal-inċident. Għalhekk, l-Imħallef Scerri Herrera qratlu dak li kien xehed dwaru fl-istadju tal-kumpilazzjoni.

Il-‘Quws’ baqa’ jinsisti li “ma jiftakar xejn”, l-anqas dwar meta l-għada tal-inċident qal li ra lil Brandon miksi demm u kellu madwar 5 daqiet ta’ sikkina. Għaldaqstant il-Qorti ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga lil Debono dwar ix-xhieda falza tiegħu taħt ġurament.

Wara kompliet ix-xhieda tal-ġarr, Joseph Zahra. Mistoqsi mill-Imħallef, jekk ftakarx dwar id-darbtejn li xehed b’rabta ma’ dan il-każ, huwa qal “jista jkun”. Qal li “jaħseb li jiftakar meta ġie jixhed il-Qorti”, iżda dwar ix-xhieda tiegħu li ta fid-Depot fil-Furjana, insista li ma jiftakarx.

L-Imħallef Scerri Herrera qratlu x-xhieda tiegħu biċċa bicca, u staqsiet bosta mistoqsijiet, iżda x-xhud deher ċar li ma ridx jikopera u wieġeb il-maġġoranza tad-domandi bil-kliem “Ma nafx” jew “Ma niftakarx”. Saru wkoll numru ta’ domandi lix-xhud, mid-difiża, waqt il-kontro eżami. Għal darb’oħra x-xhud wieġeb li ma jista jiftakar xejn bill-Qorti tordna wkoll lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga lil Joseph Zahra minħabba li ma kienx konsistenti f’dak li qal.

Il-każ

Il-vittma kien inqatel quddiem ommu u t-tfajla tiegħu wara argument bejn żewġ familji. Huwa ngħata ħames daqqiet ta’ sikkina, b’dik fatali tkun daqqa ta’ sikkina f’qalbu. Il-qtil sar fi Triq Giovanni Barbara. It-tnejn qed jiġu akkużati b’omiċidju volontarju, feriti gravi, pussess ta’ arma, li hija sikkina, pussess ta’ strument bil-ponta, li kisru l-paċi pubblika u l-buon ordni, li heddu u insulentaw lill-qraba tal-vittma.

L-att tal-akkuża tgħid li l-vittma kien instab mimdud fl-indana ta’ blokka ta’ appartamenti f’għadira demm. Ġie stabbilit fuq ix-xena tad-delitt, li ftit tal-ħin qabel il-vittma Brandon Pace kellu argument ma’ Kurt Grech fejn dan kien mar quddiem il-blokk tal-appartament fejn kien hemm Jessica Bilocca, fi Triq Giovanni Barbara.

Hemm kien ġie skambjat xi tgħajjir u theddid bejn Jessica Bilocca u Lisa Pace li kienu ħarġu fil-gallerija tal-appartament u Kurt Grech, li kien fl-appartament fejn kien hemm ukoll l-għarus ta’ Jessica Bilocca, Brandon Pace li malli ra xkien qed jiġri, ddeċieda li jinżel isfel biex jikkonfronta lil Kurt Grech.

Irriżulta li barra flimkien ma’ Kurt Grech, kien hemm ukoll missieru Joseph Grech u ommu Anna Maria Grech, li fi ftit minuti Brandon Pace, Kurt Grech, Joseph Grech u Anna Maria Grech spiċċaw f’għoqda waħda, fejn f’ħin minnhom Brandon Pace deher jaqa’, b’Kurt Grech jaqbeż fuqu.

Irriżulta wkoll li kemm Kurt Grech kif ukoll Brandon Pace, użaw is-skieken li kellhom fuqhom bil-konsegwenza li Brandon Pace safa maqtul fuq il-post. Skont xhieda fuq il-post, fosthom omm Brandon, Lisa Pace, stqarrew mal-Pulizija, li meta Brandon Pace pprova jidħol ġewwa l-blokka raw lil Joseph Grech jagħti l-aħħar daqqa ta’ sikkina f’dahar Brandon. 

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kevin Valletta u Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali; l-akkużati qed jiddefenduhom l-Avukati Roberto Montalto, Edward Gatt u Kathleen Grima, filwaqt li l-Avukati Ishmael Psaila u Rachel Tua qed jidhru għall-familja tal-vittma. Il-ġuri jkompli l-Ħamis filgħodu.