Lokali

L-artist Malti Mario Zammit Lewis b’wirja fid-Dar ċentrali

Il-Kap tal-PN Bernard Grech inawgura l-esebizzjoni tal-arti mtella’ fid-Dar Ċentrali tal-PN mill-artist lokali Mario Zammit-Lewis.

Il-Kap tal-PN faħħar id-dedikazzjoni u x-xogħol ta’ Mario Zammit-Lewis sabiex issir din il-wirja; esebizzjoni li tinkludi aktar minn 50 pittura taż-żejt, li kollha jagħmlu parti mill-kollezzjoni tiegħu tal-ABC Art Bags.

Fl-2024, Mario ngħata t-trofew tal-Artist tas-Sena u pparteċipa f’bosta wirjiet prestiġjużi madwar id-dinja.

Ix-xogħol tiegħu ġie esebit f’Los Angeles, New York, Palermo, Dubrovnik, u Tirana fejn is-suċċess kontinwu tiegħu u r-rikonoxximent globali juri kif Mario Zammit-Lewis hu wieħed mill-aktar artisti kontemporanji prominenti u xempju tat-talent lokali.

Waħda mill-pitturi tiegħu bl-isem “At the Beach” irċeviet l-Midalja tal-Unur f’Tirana.
F’Ġunju, huwa ppreżenta x-xogħol tiegħu f’Mantova u Ruma, fejn il-pittura tiegħu “A.D. with the Cat” kienet imfaħħra minn José Von Dali, iben Salvador Dalí.

Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech għal din l-inawgurazzjoni kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Micheal Piccinino kif ukoll Stefan Caruana, is-Segretarju Eżekuttiv Organizzativ tal-PN.

Din l-esebizzjoni se tibqa’ miftuħa sas-27 ta’ Frar.