Internazzjonali

‘L-ebda intenzjoni’ biex l-Ewropa tibqa’ eskluża mill-proċess għall-paċi fl-Ukrajna

La l-Ukrajna u lanqas l-Istati Ewropej ma kienu mistiedna għat-taħditiet dwar il-futur tal-Ukreni li saru fil-bidu tal-ġimgħa f’Riyadh, fl-Arabja Sawdija. Madankollu, l-uffiċjali f’Washington qed jgħidu li m’hemm l-ebda ħsieb biex l-Ewropa tkun eskluża min-negozjati dwar l-Ukrajna li kieku dawn jirrankaw sew ‘il quddiem.

U s-Segretarju tal-Istat Amerikan Marco Rubio jidher li qed jadotta ton anqas aggressiv fil-konfront tal-Ewropa milli qed jadotta l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump. Dan wara l-kumment ta’ Rubio li ‘ovvjament għandha ssir konsultazzjoni mal-Ukrajna, kif ukoll mal-Istati Ewropej sieħba tal-Istati Uniti’.

Madankollu, Rubio enfasizza wkoll li r-Russja ta’ Vladimir Putin għandha tkun ‘indispensabbli’ fil-proċess lejn il-waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna.

Il-Konsulent Nazzjonali Amerikan dwar is-Sigurtà, Mike Waltz, innota li Donald Trump kien tkellem mal-President Ukren, Volodymyr Zelensky, dritt wara d-djalogu tal-ġimgħa l-oħra bejn il-Mexxej Amerikan u Vladimir Putin. Fl-istess ħin, il-Viċi President Amerikan, JD Vance u Rubio kienu ltaqgħu, nhar il-Ġimgħa, ma’ Zelensky fil-Ġermanja.

Madankollu, il-President Ukren hu ferm urtat talli ma kienx inkluż fit-taħditiet ta’ Riyadh bejn Marco Rubio u l-Minsitru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov. Fil-fatt, hu ppospona l-pjani għal żjara fl-Arabja Sawdija biex jevita kwalunkwe ‘konnessjoni’ mat-taħditiet esklussivi bejn l-Amerikani u r-Russi.

Intant,  Zelensky – u l-poplu kollu tal-Ukrajna – għandhom jinkwetaw aktar dwar l-aħħar kumment xott ta’ Donald Trump li ‘l-Ukrajna qed taħti għall-konflitt fl-artijiet tagħha’.

Fl-istess ħin, il-maġġoranza tal-osservaturi u esperti jaqblu li n-negozjati dwar l-Ukrajna – bl-intervent sinifikanti tal-Istati Uniti – qed jidhru intiżi biex jiffarorixxu sew lir-Russja.

L-osservaturi lanqas ma jemmnu li l-proċess għall-futur tal-Ukrajna jista’ tassew javviċina l-kunċett tan-negozjati – u fejn qed jidher li l-Istati Uniti lesta taċċetta ‘kulma tgħidilha Moska fiċ-ċirkustanzi’. Xi esperti huma wkoll sorpriżi li Donald Trump anki offra l-konċessjonijiet lir-Russja li ‘lanqas biss kien qed jistennihom Vladimir Putin innifsu’.

Intant, il-politika ta’ Washington għall-avviċinament mar-Russja qed tidher ċara wkoll mill-aħħar kummenti tas-Segretarju Rubio. Dan meta hu tenna li ‘ladarba l-partijiet involuti jirnexxilhom jinnegozjaw tmiem għall-konflitt tal-Ukrajna’, is-sitwazzjoni kapaċi tiftaħ għall-‘opportunitajiet inkredibbli’ li jippermettu għal forom ta’ ‘partnership’ mar-Russja.

Sħubija li, fi kliem Rubio, ‘jinvolvu issues li jibbenefikaw lid-dinja kollha minbarra li jikkonsolidaw it-titjib fir-relazzjonijiet għat-tul taż-żmien’. Kumment pjuttost vag u li s-Segretarju Amerikan baqa’ ma elaborax fuqha.