Lokali

“L-għoli tal-ħajja fost l-akbar tħassib taż-żgħażagħ ukoll” – PN

Il-Partit Nazzjonalista b’miżuri kontra l-għoli tal-ħajja u favur bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħin fil-familja waqt li l-Gvern jikkritika biss

Iż-żgħażagħ Maltin huma mħassbin dwar l-għoli tal-ħajja u jqisu l-prezzijiet dejjem jogħlew f’pajjiżna bħala fost l-aktar kwistjonijiet li qed jinkwetawhom. Iż-żgħażagħ tagħna huma dawk li se jiffurmaw il-familji ta’ għada u huwa preokkupanti li anke din il-kategorija tas-soċjetà tqis il-kriżi tal-għoli tal-ħajja bħala piż li qiegħed dejjem jagħfas fuq il-kwalità tal-ħajja u l-livell tal-għajxien.

Fi żmien meta ż-żgħażagħ suppost jinsabu ffukati fuq il-karrieri u fuq l-iżvilupp personali tagħhom, ikunu daħlu għal piż biex jixtru l-ewwel dar tagħhom, jew ikunu qed jaħsbu biex jibdew familja, ħafna qed isibu ruħhom jiġġieldu ma’ problemi ta’ flus fil-but biex ilaħħqu mal-ispejjeż.

U fid-dawl ta’ dan kollu, filwaqt li għandna Oppożizzjoni Nazzjonalista li qed toħroġ bis-soluzzjonijiet biex tgħin lin-nies, min-naħa l-oħra għandna Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela li jivvota kontrihom.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister għall-Ġlieda kontra l-Għoli tal-Ħajja Ivan Castillo, ix-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ Bernice Bonello u x-Shadow Minister għall-Ugwaljanza Graziella Attard Previ qalu li l-aħħar stħarriġ tal-Unjoni Ewropea li kien ippubblikat fl-aħħar jiem jikkonferma dak li ilu jgħid il-PN, jiġifieri li l-għoli tal-ħajja qiegħed iħasseb dejjem aktar nies.

Il-Eurobarometer Youth Survey ippubblikat aktar kmieni din il-ġimgħa juri li issa anke ż-żgħażagħ Maltin jinsabu inkwetati dwar l-għoli tal-ħajja. Dan l-istħarriġ fil-fatt jgħid li għal 34% taż-żgħażagħ Maltin, l-għoli tal-ħajja hija l-aktar tema li għandha tingħata prijorità fil-ħames snin li ġejjin. Fuq livell Ewropew, 40% taż-żgħażagħ jaħsbu li l-prezzijiet dejjem jogħlew għadhom ikunu prijorità tal-UE fis-snin li ġejjin.

Iż-żgħażagħ Maltin qed isibuha dejjem aktar diffiċli biex jgħixu ħajja indipendenti fi proprjetà tagħhom. Minkejja l-ħafna żvilupp li sar f’pajjiżna fl-aħħar snin, il-prezzijiet tal-proprjetà meta mqabblin mal-pagi medji taż-żgħażagħ jagħmluha kważi impossibbli għalihom biex jixtru d-dar tagħhom. Il-kiri sar daqstant ieħor inaċċessibbli.

U meta ma’ dan kollu żżid il-piż dejjem jitqal tal-għoli tal-ħajja, wieħed jifhem għaliex iż-żgħażagħ tagħna qed jaqtgħu qalbhom minn pajjiżna.

Għal min jiddeċiedi li jagħmel sagrifiċċju u jixtri d-dar tiegħu jew jikri proprjetà, dan ħafna drabi jwassal għal żbilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja.

Għalkemm l-għoli tal-ħajja jolqot lil kulħadd, hemm numru ta’ familji, speċjalment familji żgħażagħ li jħossuh aktar. F’pajjiżna għandna saħanistra familji minn dawn li qed jesperjenzaw il-faqar. Filwaqt li d-distakk bejn il-fqir u s-sinjur qed ikompli jikber, rapport riċenti tal-Bank Ċentrali wera li min sejjer tajjeb qed jaqla’ 10 darbiet aktar minn dak li jaqla’ ftit.

Kien għalhekk li l-Partit Nazzjonalista fl-aħħar xhur u ġimgħat nieda sett ta’ miżuri bil-għan li jnaqqas dan l-iżbilanċ. Soluzzjonijiet li huma ffukati biex itaffu mill-piżijiet tal-għoli tal-ħajja:

·          Tax credits għal żgħażagħ li jibdew intrapriża tagħhom

·          Pjan ekonomiku ġdid li jerġa’ jattira lejn pajjiżna aktar xogħlijiet ta’ kwalità għaż-żgħażagħ

·          Stipendji għal kull student irrispettivament minn kemm jaħdem sigħat

·          Trasport aktar frekwenti għall-iskejjel post-sekondarji

·          Prezzijiet tal-housing li jkunu jirriflettu akar is-salarji medji

·          Skema għall-First Time Buyers li tinkludi għajnuna fuq spejjeż marbuta max-xiri ta’ proprjetà bħal spejjeż tan-nutara, periti u oħrajn


Dan apparti s-soluzzjonijiet li ilu jressaq speċifikament biex jindirizza l-kriżi tal-għoli tal-ħajja, li jinkludu:

·          Iż-żieda tal-għoli tal-ħajja, il-COLA, ma għandhiex tkun taxxabbli;

·          Tax credits lil min iħaddem, biex dan ma jkollux jerġa’ jgħolli l-prezzijiet biex jagħmel tajjeb għaż-żieda tal-għoli tal-ħajja;

·          Jinħoloq Fond Nazzjonali biex nappoġġjaw lill-industrija li timporta jew tesporta, u dan biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li jħalli l-impatt tal-għoli tal-ħajja;

·          Naraw li jkun hawn mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda, li jimmiraw għal xogħlijiet ta’ kwalità u li jħallsu aktar lill-ħaddiema tagħna.

Barra minn hekk, il-Partit Nazzjonalista, l-ewwel mill-Ewropa u issa f’pajjiżna, poġġa l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja fuq quddiem fil-prijoritajiet u fassal miżuri għal aktar bilanċ bejn xogħol u l-ħajja tal-familja li jmorru id f’id mas-soluzzjonijiet għall-għoli tal-ħajja. Fost dawn hemm miżuri biex ġenituri żgħażagħ ikollhom aktar ħin biex iqattgħuh flimkien ma’ wliedhom permezz ta’ żidiet fil-Leave, kif ukoll inċentivi fiskali li jħaffu l-piżijiet ta’ ġenituri ġodda, bl-ispiża tinġarr mill-gvern.

L-istħarriġ tal-Unjoni Ewropea juri wkoll li minbarra l-għoli tal-ħajja, iż-żgħażagħ Maltin jinsabu mħassba wkoll dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima, is-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż u l-ħolqien tal-impjiegi, l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-assistenza soċjali u l-kura tas-saħħa.

Anke hawn għandna Gvern li qed jibqa’ jfalli liż-żgħażagħ tagħna.

Gvern li fl-ambjent, pereżempju, warrab fil-ġenb Mozzjoni tal-Partit Nazzjonalista biex dan jitniżżel fil-Kostituzzjoni bħala dritt fundamentali tal-Maltin. Għandna Gvern li taħt it-tmexxija tiegħu wieħed minn kull ħamsa issa jinsab f’riskju ta’ faqar. Għandna Gvern li ma kienx kapaċi joħloq imqar settur ekonomiku wieħed ġdid biex iż-żgħażagħ tagħna jkollhom opportunitajiet ġodda ta’ xogħol ta’ kwalità. Għandna Gvern li ġab lil Malta bl-ogħla rata fl-UE ta’ tfal u żgħażagħ li jfallu l-iskola u ma jkomplux l-istudji tagħhom. Għandna Gvern li juża s-servizzi soċjali biex jixtri l-voti minflok biex joħloq ġustizzja soċjali. U għandna Gvern li ffroda lill-Maltin fis-saħħa biex illum għandna settur li qed jogħtor grazzi għall-inkompetenza ta’ min qed imexxi lil pajjiżna.

Filwaqt li l-Gvern moħħu biss kif se jaqla’ lil sħabu mill-inkwiet li daħlu fih u nqata’ għal kollox mir-realtajiet ta’ kuljum taż-żgħażagħ u l-familji, il-Partit Nazzjonalista qed iħoss il-polz tan-nies u taż-żgħażagħ u qed jaħdem bla heda biex meta jkun il-waqt jagħti lill-Maltin il-kwalità tal-ħajja li jixirqilhom.