Lokali

OPINJONI: Biex nilħqu aktar tfal u żgħażagħ

Mument waqt ir-round table conference, fil-Parlament, nhar it-Tnejn li għadda fil-ftuħ tal-Ġimgħa tal-Ġustizzja Soċjali
Jekk irridu ġustizzja soċjali, irridu edukazzjoni li tagħti lura. Inkella se nkomplu nipproduċu ġenerazzjoni ta’ tfal u żgħażagħ li mhumiex preparati biżżejjed biex jużaw il-ħiliet tagħhom fid-dinja li se jsibu

mid-Deputat Nazzjonalista Justin Schembri

Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’

Fl-okkażjoni tal-ġimgħa dedikata lill-ġustizzja soċjali, il-kollega tiegħi d-Deputat Ivan Bartolo jorganizza serje ta’ diskussjonijiet u attivitajiet relatati mat-tema biex il-ġustizzja soċjali tkompli tingħata wiċċ u dehra.
Il-ġustizzja soċjali għandha diversi forom, u aktarx diversi kuluri, tidher minn perspettivi differenti u minn angoli u veduti differenti. B’hekk mela, tajjeb li nifhmu l-importanza li s-soċjetà tkun aktar ġusta f’oqsma differenti. Kelli x-xorti nieħu sehem waqt round-table conference, fil-Parlament, u tkellimt dwar il-ġustizzja soċjali – jew in-nuqqas tagħha – fl-edukazzjoni.
Meta niktellmu dwar ġustizzja soċjali, l-ewwel ħsieb li jiġina, aktarx, huwa dak dwar il-faqar monetarju. Iva, din hija realtà iebsa għal ħafna, anke fid-dawl li f’pajjiżna għandna l-għoli tal-ħajja li qiegħed dejjem jgħolli rasu – u Prim Ministru jdawwar wiċċu lil hinn mis-soluzzjonijiet konkreti li qiegħed jipproponi l-Partit Nazzjonalista – madankollu, hemm faqar li mhuwiex ivvalutat bi flus, imma huwa faqar intellettwali.

Itemmu l-iskola mingħajr ħiliet bażiċi
Spiss nitkellem dwar il-problema kbira li għandu pajjiżna b’mijiet kbar ta’ tfal u żgħażagħ li qegħdin joħorġu mis-sistema edukattiva tagħna mingħajr ma għandhom il-ħiliet bażiċi neċessarji biex ikampaw f’dinja dejjem aktar kompetittiva. Xi nkun qiegħed ngħid meta ngħid li mijiet ta’ tfal kull sena joħorġu mingħajr il-ħiliet bażiċi?
Jekk qabel konna nħarsu biss lejn il-kitba u l-qari, illum irridu ninkludu wkoll il-ħiliet diġitali. Anke jekk it-tfal kollha jkunu kompetenti biżżejjed biex jaqraw u jiktbu bil-Malti u bl-Ingliż, kapaċi jħaddmu n-numri u jafu jużaw l-applikazzjonijiet l-aktar bażiċi fuq il-kompjuter (mhux il-mobile!) mhuwiex biżżejjed! Imma dan hu ferm ’il bogħod minn dak li qed nilħqu llum.
Dan hu l-faqar il-ġdid li qed nesperjenzaw u li qiegħed jirrendina f’poplu aktarx medjokri, li jikkompara mal-pajjiżi li ma jaqtgħux figuri tajbin fl-istatistika Ewropea. Għaliex għandna mijiet ta’ tfal li qegħdin ilestu s-snin obbligatorji u joħorġu ma jafux jiktbu u jaqraw sewwa kemm bl-Ingliż u kemm bil-Malti, ma jafux il-Matematika bażika u ma jafux iħaddmu l-applikazzjonijiet l-aktar meħtieġa tal-kompjuter?
Għaliex għandna l-maġġoranza tat-tfal li joħorġu mis-sistema obbligatorja ma jafu kważi xejn ġeografikament, storikament, kulturalment u soċjalment dwar Malta u l-Ewropa? Għaliex allura, għandna mijiet ta’ tfal li mhumiex kapaċi jiksbu mqar grad ċertifikabbli f’suġġetti li ilhom jitgħallmu għal 11-il sena u aktar? Dan huwa l-faqar il-ġdid, li ma jidhirx mal-ewwel daqqa t’għajn imma li qiegħed jinfirex fost il-ġenerazzjoni li tiela’ bħal nar f’foresta.

Bżonn ta’ riforma fl-edukazzjoni bikrija
Kemm ilni nħaddan il-kariga Parlamentari tiegħi, tkellimt kemm-il darba fil-Parlament u f’kull okkażjoni li jkolli biex nenfasizza l-importanza għall-edukazzjoni preventiva sostnuta b’dik bikrija. Irridu nirriformaw kif issir l-edukazzjoni bikrija, għaliex ma hemmx pjan. Hemm ħafna ideat kunfliġenti, strateġiji u implimentazzjonijiet ma jorbtux waħda fuq l-oħra u konfużjoni sħiħa. Ikun inutli li l-Gvern iressaq ’il quddiem l-Istrateġiji li ma għandhomx ħjiel ta’ implimentazzjoni jew moniteraġġ.
Ikun inutli wkoll li l-Gvern jagħmel time-frames fantażma li ħadd ma jaf x’inhuma u meta huma, u jkun inutli wkoll li l-Gvern iqabbad nies jagħmlu implimentazzjonijiet ġodda u meta dawn iwarrbu mill-kariga tagħhom imut kollox fuq ommu, bħalma ilna naraw. Dan rajnieh ftit ta’ snin ilu, għaliex il-bidliet kollha li daħħal is-Segretarju Permanenti ta’ dak iż-żmien, Frank Fabri, tneħħa u miegħu miet dak kollu li kien qiegħed jimbotta. Dan fatt, u jafuh l-għalliema u l-edukaturi kollha. Illum, għadna rridu naraw ir-rieda u l-impenn tas-Segretarju Permanenti attwali, Matthew Vella u t-tim tiegħu mmexxi minn Ritienne Borg Saliba, biex verament tkun esposta l-viżjoni li tmexxi ’l quddiem b’suċċess l-istrateġiji kollha li abbozza l-Ministeru u li ħafna minnhom għadhom reqdin.
Mela, biex verament nibdew nagħmlu ġustizzja ma’ kulħadd fil-qasam edukattiv, irridu mmorru, kif ngħidu bl-Ingliż, back to basics. Irridu nsaħħu l-idea ta’ parità fl-edukazzjoni biex niksbu l-ekwità fir-riżultat aħħari. Dan ma jistax isir jekk ma jkollniex erba’ prinċipji stabbiliti fuq l-ugwaljanza fl-aċċess, fil-partiċipazzjoni, fil-proċess u fl-għanijiet. Dan sal-lum mhux isir, u għalkemm l-istrateġija nazzjonali għall-edukazzjoni tqis il-pilastru tal-benesseri tal-individwu bħala wieħed integrali fiha, ma tistax tibqa’ biss strateġija imma trid issir il-prassi ta’ kuljum fil-Kulleġġi, fl-iskejjel u fil-klassijiet.

Ninvestu f’aktar professjonisti
Ma nistgħux nistennew il-mirakli mill-għalliema u mill-edukaturi tagħna, imma rridu nagħtuhom is-sapport fil-klassi u barra mill-klassi, billi ninvestu f’aktar professjonisti anċillari u billi naraw li l-progress jitkejjel u jkun segwit.
Jekk irridu ġustizzja soċjali, irridu edukazzjoni li tagħti lura. Inkella ser inkomplu nipproduċu ġenerazzjoni ta’ tfal u żgħażagħ li mhumiex preparati biżżejjed biex jużaw il-ħiliet tagħhom fid-dinja li se jsibu. Hija ħasra li l-Gvern jibqa’ jinjora l-fatt li għandna problema, għaliex fl-ammissjoni tiegħu li l-edukazzjoni f’pajjiżna mhix tilħaq lil kulħadd, qiegħed jonqos milli jfittex l-għerq tal-problemi li jridu jkunu solvuti.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 19 ta’ Frar, 2025