mid-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo
Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar u Membru
It-Tagħlim Soċjali tal-Knisja, kif nafuh illum, jaf il-bidu tiegħu lill-Enċiklika Rerum Novarum li l-Papa Ljun XIII ippubblika fl-1891. Dan it-Tagħlim jikkonsisti f’numru ta’ prinċipji, valuri, dokumenti u istruzzjonijiet li, imdawlin mill-Iskrittura u msejsa fuq l-għerf tal-mexxejja tal-Knisja u l-Poplu ta’ Alla, fejn joffrulna kumpass morali u linji gwida fuq kif għandna ngħixu l-Ġustizzja Soċjali fid-dinja llum.
Il-Ġustizzja Soċjali u dawk kollha devoti jpoġġu lil kull bniedem fiċ-ċentru tal-attenzjoni, fil-paġna tan-nofs, b’attenzjoni partikolari għal dawk il-bnedmin li baqgħu lura fil-ħajja u jinsabu l-iktar fil-bżonn. Il-messaġġ tagħna matul din il-ġimgħa hi li nfittxu li nkunu preżenti fid-dinja mkissra u inġusta tagħna, bl-imħabba, bil-ġustizzja u billi nipprotestaw u nsemmgħu leħinha b’vuċi paċifika. Dan kollu bl-iskop li nibnu soċjetà ġusta msejsa fuq prinċipji denji tal-persuna umana.
Illum ukoll inkomplu bil-programm tagħna billi nżuru lil kull saċerdot, residenti fid-Dar tal-Kleru u li min b’mod u min b’ieħor wassal tant messaġġi favur Ġustizzja Soċjali.
Dun Ġużepp Cauchi
Din is-sena qed nagħmlu ħilitna kollha li nfakkru lis-saċerdot Għawdxi, 70 sena wara mewtu, li t-tagħlim tal-Knisja għamilha kelma bis-servizz u l-karità li wettaq. Dak li kien jiġi provdut lilu ma kienx tiegħu. Eżempju għall-elemożina, (l-uniku dħul li kellu), qabel iżommhom kien jistaqsihom jekk kellhomx bżonnhom. Min jaf kemm taha l-elemożina tal-quddiesa lura, li kienu jkunu għadhom kif tawh. Kien jagħti wkoll lezzjonijiet tal-privat b’xejn, fejn hawn ukoll tispikka l-ħeġġa u d-devozzjoni biex jgħin fl-eradikazzjoni tal-faqar, l-għaliex l-edukazzjoni hi punt primarju f’dar rigward. Hu fatt magħruf li kien jitla’ r-Rabat, ifittex studenti intelliġenti, jitlobhom komponi-menti tagħhom, sabiex jgħaddihom lil studenti ġejjin minn familji foqra. Lil dawn it-tfal kien ifittixhom fl-istrina, biex jagħtihom dik ix-xi ħaġa. Mhux l-ewwel darba li fit-trasport pubbliku kien jitla’ l-ewwel wieħed, mhux bi prużunzjoni imma biex iħallas in-nol tal-passiġġieri kollha li jkunu telgħu fuq ix-Xarabank.
Min jaf kemm bnedmin kienu jħabbtulu l-bieb tad-dar biex jagħtihom xi ħaġa tal-flus, oħrajn kienu jistennewh ħiereġ mill-knisja biex ikellmuh. Dak iż-żmien ma kienx hawn servizzi soċjali u l-faqar li wieħed kien iħabbat wiċċu miegħu kien differenti minn dak tal-lum.
Huwa fatt magħruf li Dun Ġużepp miet bla sold fil-but, li għalija dan hu l-isbaħ ċertifikat li kull saċerdot għandu jkollu.
Minkejja din it-tjubija kollha, xorta sab l-ostakli, azzjonijiet ħżiena li fl-opinjoni tiegħi wassluh għat-triq tad-diżintegrazzjoni. Minkejja dak kollu li għadda minnu dan is-saċerdot, ma żamm f’qalbu għal ħadd. Anzi ma riedx ikun jaf min għamillu din l-azzjoni, biex ma jobgħod lil ħadd. Bla dubju ta’ xejn weġġa’. Qalbu nqasmet f’mitt biċċa. Waqt irtir infaqa’ jibki quddiem saċerdot ieħor. Beka dmugħ tal-Ort tal-Ġetsemani, għax hekk jissejjaħ dmugħ l-innoċenti.
Għax hekk jiġrilhom erwieħ twajba u tajba, jew biex inpoġġi kliemi aħjar, bnedmin li għażlu ma jkunux tad-dinja. Normalment dawn il-bnedmin ikunu vittmi ta’ akkużi inġusti. Ferm aktar iebsa f’ċerti każijiet, fejn l-innoċenza tagħhom toħroġ fil-beraħ wara mewthom. Għax xejn ma jibqa’ fid-dlam, kemm it-tajjeb u anki l-ħażin. Prinċipji Ġustizzja Soċjali
“Qabel ma sawwartek fil-ġuf għaraftek”. Id-dinjità tal-bniedem tibqa’ fost il- prinċipji ewlenin tal-Ġustizzja Soċjali. Hemm ukoll vers bibliku ieħor, sinonimu ma’ din il-ġimgħa tal-Ġustizzja Soċ-jali: “Tassew ngħidilkom li kulma għamiltu ma’ wieħed fost l-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.” Għaliex il-ġid komuni u l-parteċipazzjoni huwa l-ġid marbut mal-għajxien soċjali tal-bnedmin.
Vers ieħor sinonimu mal-Ġustizzja Soċjali juri l-għażla tal-foqra u l-vulnerabbli għandu jkun fuq quddiem nett “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani, bagħatni nrodd il-ħelsien lil maħqurin.” Dan kollu għandu jasal bil-kalma u bil-paċi, bħalma kien jgħid il-Papa Ġwanni 23, li l-“Paċi tibqa’ kelma vojta jekk ma tkunx mibnija fuq is-sisien tal-verità, mibnija skont il-Ġustizzja Soċjali u li taffettwa r-ruħ fil-libertà.”
Prinċipju ieħor huwa dak tal-imħabba lejn l-ambjent, liema punt ewlieni fuq l-aġenda tal-Knisja. Il-Ħarsien tal-Ħolqien fejn il-Papa Franġisku jgħid “li fid-dinja llum m’għandniex żewġ kriżijiet, dik ambjentali u l-oħra soċjali, iżda kriżi waħda u mill-aktar kumplessa, …. dik soċjoambjentali.” Imma dan kollu beda fl-1891, bil-Papa Ljun 13 u bl-enċiklika favur id-drittijiet tal-ħaddiema Rerum Novarum, li għadha attwali sal-lum.
Dan u aktar niċċelebrawh illejla fid-Dar tal-Kleru fost is-saċerdoti Maltin residenti, u għada filgħodu fil-Parlament ta’ Malta, f’Jum il-Ġustizzja Soċjali, fejn nassistu għall-qofol tal-ġimgħa permezz tal-Konfe-renza organizzata għas-sitt sena konsekuttiva. Inkomplu nisim-għu aktar kelliema fosthom l-Ombudsman l-Imħallef Emeritu Joseph Zammit Mckeon.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq 77480241.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 19 ta’ Frar, 2025
//= $special ?>