Lokali

OPINJONI: Inħarsu s-saħħa tan-nies

L-aħħar sexual health policy ta’ Malta ħarġet fl-2010. Ħmistax-il sena ilu. Malta kienet differenti ħafna.

mid-Deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ
Shadow Minister għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet tat-Tfal

Il-Partit Nazzjonalista ilu s-snin isejjaħ għal aġġornament ta’ din l-istrateġija u kien jistenna li Gvern Laburista, li jitkellem ħafna dwar id-drittijiet ċivili u l-politika progressiva u libera, ikun iktar proattiv fiċ-ċirkostanzi ta’ pajjiżna, u ma jistennix ħmistax-il sena biex joħroġ bi strateġija għall-konsultazzjoni pubblika li għalqet din il-ġimgħa.
Dan qegħdin ngħiduh fid-dawl tal-fatt li l-popolazzjoni ta’ Malta kibret ħafna u b’konsegwenza ta’ hekk it-taħlit żdied bejn nies Maltin u nies ta’ nazzjonalitajiet differenti, żieda fit-turiżmu li wkoll jaf ikollha konsegwenzi fuq il-ħajja sesswali tan-nies u r-rati allarmanti ta’ każijiet ta’ mard li jittieħed mis-sess, speċjalment l-HIV u s-Syphilis.
Aħna bqajna impenjati biex inkunu proattivi u għaldaqstant din il-ġimgħa ħriġna s-suġġerimenti tagħna kif l-istrateġija li qed jipproni l-Gvern tista’ tkun aħjar u tħares ’il quddiem.

Nitgħallmu minn x’qed jiġri madwarna
Dan billi naraw x’qiegħed jiġri f’pajjiżi oħrajn u li jista’ jsir f’Malta sabiex is-saħħa tan-nies tiġi mħarsa kemm jista’ jkun.
Qegħdin nipproponu li d-definizzjoni magħżula għal Saħħa Sesswali għandha tkun iktar inklussiva, u tinkludi persuni ‘non-binary’ u oħrajn ‘gender nonconforming’, persuni b’diżabbiltà kif ukoll tinkludi fatturi soċjoekonomiċi, kulturali u anke fejn tidħol diżabbiltà li wkoll jaffettaw il-ħajja u s-saħħa sesswali.
Hemm bżonn jiġu indirizzati aktar fatturi bħall-edukazzjoni sesswali f’Malta, il-persuni LGBTIQ+ u r-rwol tal-midja diġitali, kif ukoll nindirizzaw b’mod iktar effettiv l-istigma u t-tabù marbuta mas-sess u l-prattiċi sesswali li jżommu lura lin-nies milli jfittxu l-għajnuna u l-kura.
Fit-tfassil tal-politika għas-Saħħa Sesswali, għandhom jiġu kkunsidrati l-mudelli tal-Olanda u tal-Filandja speċjalment fejn tidħol diskriminazzjoni u edukazzjoni sesswali aħjar fl-era diġitali li qegħdin ngħixu fiha.

L-edukazzjoni sesswali u aktar
M’għandnix niffukaw fuq edukazzjoni sesswali li tingħata b’mod esklussiv f’kuntest ta’ skejjel u edukazzjoni formali, iżda għandna nħeġġu l-involviment tal-ġenituri u nisħqu dwar edukazzjoni tul il-ħajja li ma tieqaf qatt.
Il-provvediment ta’ kontraċettivi b’xejn għal kulħadd hija inizjattiva tajba, li diġà kienet wegħda fil-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni tal-2022. Il- proċess ta’ aċċessibiltà għandu jitħaffef u jeħtieg pjan konkret ta’ kif u fejn se jkunu qegħdin jitqassmu dawn il-kontraċettivi.
Il-mediċina li tikkura d-disfunzjoni sesswali għandha tkun iktar aċċessibbli u mniżżla fuq il-formolarju għall-persuni bi problemi kroniċi.
L-iskrining għal mard tal-kancer għandu jsir iktar rigoruż u jitwessa’ sabiex jolqot gruppi ta’ nies li huma iżjed f’riskju.
Fid-dawl li qed jiżdied il-mard li jittieħed mis-sess għandu jkun hemm pjan ta’ azzjoni konkret li jinkludi kampanji ta’ għarfien speċifiċi għal persuni ta’etajiet, ġeneru u orjentazzjoni differenti; is-servizzi fil-komunità għandhom jitwessgħu; u tiġi indirizzata bi pjan ir-reżistenza tal-antibijotiċi użati kontra l-gonorrhea.
Jekk se jkun hemm iktar għarfien effettiv, iktar nies se jħabbtu l-bibien tal-klinika tal-GU u għaldaqstant hemm bżonn urġenti li din il-klinika ssir walk-in clinic, tiftaħ ħinijiet itwal inkluż fi tmiem il-ġimgħa u jiżdiedu l-professjonisti f’dan il-qasam.

Problemi li jikkundizzjonaw għal dejjem
Għandu wkoll ikun hemm iktar minn klinika waħda u fil-komunità. Hemm bżonn ukoll li f’din il-klinika jkun hemm min kapaċi jikkomunika b’lingwi differenti sabiex persuni mhux Maltin ikunu jistgħu jiġu kkurati. Għandu jkun hemm miri speċifiċi dwar screening, kif ukoll dwar kif se jitnaqqsu l-infezzjonijiet.
L-aċċessbbiltà għall-mediċina PrEP u PEP fil-ġlieda kontra t-tixrid tal-HIV għandha tingħata prijorità assoluta għax dan huwa l-aktar mod effettiv biex titnaqqas din il-problema. Kull ġurnata li tgħaddi tfisser li persuni jkunu f’riskju li jimirdu b’mard li jikkundizzjonalhom ħajjithom għal dejjem.
Hemm bżonn li nkunu proattivi u nħarsu ’l quddiem u għalhekk jiġu kkunsidrati miżuri li għandhom possibbiltà ta’ suċċess u li jkunu strumentali fil-qasam tal-mard sesswali, bħalma hija l-mediċina Doxy PEP u Doxy Prep.
Din hija mediċina jew trattament pjuttost ġdida, ir-riċerka għadha għaddejja iżda hemm indikazzjonijiet li tista’ tkun l-aħjar soluzzjoni fiċ-ċirkostanzi u għalhekk nissuġġerixxu li almenu għandu jsir studju professjonali sabiex tiġi kkunsidrata għal persuni f’riskju kbir ta’ mard sesswali.

Is-saħħa mentali
Fl-aħħar nett, iżda ta’ prijorità, għandu jiddaħħal l-aspett tas-saħħa mentali, u jiġu indirizzati l-problemi assoċjati ma’ compulsive sexual behaviour, kif ukoll id-dipendenza fuq il-pornografija (porn addiction) li wkoll huma rikonoxxuti mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.
Nipproponu iktar għajnuna u terapija pprovduta lil dawk il-persuni li għandhom problemi ta’ natura sesswali li joriġinaw jew li huma riżultat ta’ kundizzjonijiet mentali.
Dan huwa l-mod ta’ kif il-Partit Nazzjonalista qed jafferma li għalih is-saħħa tan-nies tkun dejjem prijorià.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 16 ta’ Frar