Ġermaniż ġie akkużat bi stupru wara li eks kollega tiegħu f’kumpanija tal-gaming akkużatu b’aggressjoni sesswali. L-allegat inċident seħħ f’Ottubru. Ir-raġel ta’ 30 sena, li kien jaħdem bħala uffiċjal fil-customer care, qed jaffaċċja wkoll akkużi ta’ atti sesswali mhux kunsenswali fuq il-mara u li żammha kontra r-rieda tagħha.
Huwa qed jiċħad l-akkużi kollha. Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace laqgħet talba tal-prosekuzzjoni għal projbizzjoni fuq isem il-vittma u ordni ta’ protezzjoni favur tagħha. L-avukat difensur Edmond Cuschieri talab il-ħelsien mill-arrest, filwaqt li rrimarka li l-allegat inċident seħħ erba’ xhur ilu u l-klijent tiegħu kien qed jitressaq il-Qorti wara dan iż-żmien kollu.
Sostna li d-detenzjoni għandha tkun l-eċċezzjoni u li m’hemmx raġunijiet validi biex tiċħad il-libertà proviżorja. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat fuq il-bażi li l-mara għadha ma xehditx u li jaf fejn tgħix peress li kien ordna taxi għaliha.
Il-prosekuturi spjegaw ukoll li d-dewmien fit-tressiq kien dovut li l-akkużat kien instab nhar it-Tlieta, wara li l-mara ressqet rapport tal-Pulizija fil-25 ta’ Jannar. Sostnew ukoll li l-akkużat ma kellu l-ebda indirizz fiss u kien tkeċċa mill-kumpanija tal-gaming wara l-allegat inċident.
L-Avukat Cuschieri qal li l-klijent tiegħu m’għandux jiġi ‘penalizzat’ għad-dewmien tal-Pulizija biex sabuh. Il-Qorti ċaħdet il-libertà proviżorja. L-Avukat Danika Vella mill-uffiċċju tal-AĠ flimkien mal-Ispetturi Dorianne Tabone u Godwin Scerri mexxew il-prosekuzzjoni.
//= $special ?>