L-Għaqda Repubblika rreferiet għall-proċeduri li għaddejjin kontra Joseph Muscat u nies oħra fil-każ tal-korruzzjoni fil-bejgħ tal-isptarijiet u appellat ukoll lill-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard biex wara għaxar snin ta’ tkaxkir tas-saqajn jagħmel dak li tgħidlu l-liġi u joħroġ regolamenti li jippermettu s-smigħ elettroniku tax-xhieda li ma jgħixux f’Malta għamlet dawn l-osservazzjonijiet:
Fl-istqarrija għamlet ukoll dawn l-osservazzjonijiet:
1. Id-difiża tal-akkużati qed titlob li jiġi sfilzat ir-rapport tal-esperti Harbinson Forensics li kien parti mill-inkjesta maġisterjali fl-iskandlu tal-isptarijiet. Dan għax f’komunikazzjoni lill-Qorti, individwu li tiegħu kienet is-soċjetà li kitbet ir-rapport qed jirrifjuta li jiġi f’Malta biex jixhed. Nippreżumu li d-difiża temmen li meta jitneħħa dan ir-rapport, il-każ tal-istat kontra l-klijenti tagħhom jikkrolla.
2. Infakkru li Artiklu 399 tal-Kodiċi Kriminali jaħseb li fejn l-eżami ta’ xi xhud minn xi awtorità barranija jkun meħtieġ b’mod indispensabbli, tintuża l-ittra rogatorja għal għajnuna legali. Repubblika qed ristenna li għalhekk lill-prosekuzzjoni biex f’dawn il-każi titlob il-Qorti tieħu din il-miżura.
3. Rosserva wkoll li l-individwu li qed jirrifjuta li jiġi Malta biex jixhed, jgħix barra minn Malta. Artiklu 647A (1) tal-Kodiċi Kriminali jaħseb preċiżament għal din iċ-ċirkostanza. Il-liġi tgħid li “l-qorti tista’ jekk tqis li jkun hekk xieraq, tippermetti l-irrekordjar fuq tejp jew fuq video ta’ xi xiehda meħtieġa minn xhud jew xhud li jkun joqgħod barra minn Malta, skont kodiċijiet ta’ prattika li l-Ministru responsabbli għall-ġustizzja jista’, b’regolamenti, jippreskrivi.” Dan il-provvediment daħal b’emendi fil-liġi mwettqa mill-gvern Laburista fl-2015 (Att VIII tal-2015) u jindirizza għal kollox is-sitwazzjoni preżenti.
Iżda dan il-provvediment ma jistax jitħaddem mill-Qorti għax wara 10 snin il-gvern għadu m’għamilx ir-regolamenti mitluba mil-liġi. Dan hu inaċettabbli. Bl-aktar mod ċar dan il-falliment hu r-responsabbiltà tal-gvern b’mod ġenerali u tal-Ministru Jonathan Attard b’mod partikolari.
4. L-individwu li għandu jixhed biex jikkonferma l-kontenut tar-rapport stqarr pubblikament li jibża’ li ssirlu vjolenza jekk jiġi f’Malta. Din it-theddida hi akkumpanjata minn kampanja fil-mezzi qrib il-Partit Laburista – partikolarment il-mezzi tal-General Workers’ Union – intenzjonati li jiskreditaw lix-xhud, jattribwulu motivazzjoni ta’ parzjalità, u jżidu mal-intimidazzjoni li qed iġarrab.
Repubblika sostniet li l-biża’ tax-xhieda rajniha qabel f’każijiet kriminali li jinvolvu lil Joseph Muscat. Ix-xhud fil-korruzzjoni fil-Pilatus Bank irrapportat li kienet mhedda u li beżgħet għal ħajjitha. Waqt li nirrikonoxxu li Joseph Muscat jiċħad li hu jorganizza l-intimidazzjoni tax-xhieda li jistgħu jkunu ta’ prova f’każijiet kriminali kontrih, hu ċar li l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija mhumiex jipprovdu ebda assigurazzjoni ta’ sigurtà lil xhieda fil-każ li suppost hu tagħhom. Minflok Victoria Buttigieg u Angelo Gafà qed iħallu bla kumment u bla azzjoni dikjarazzjoni ta’ xhud importanti tal-istat li qed jibża’.
Minn dak li qed naraw fil-Qorti, irridu nistaqsu jekk hemmx xi id moħbija li qed taħdem biex il-każ kontra Joseph Muscat u sħabu jfalli. Minkejja dan kollu, sostniet l-għaqda Repubblika, it-tama hi li l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija jwettqu dmirhom, li jaġixxu mingħajr l-indħil tal-Prim Ministru, u mingħajr ma jfittxu li jpaxxu lill-kriminali.
//= $special ?>