‘L-Ukrajna ma messha qatt ipprovokat il-gwerra mar-Russja’. Dan kien il-kumment kontroversjali tal-President Amerikan Donald Trump fi żmien meta l-Istati Uniti u r-Russja jidhru li qed jikkollaboraw flimkien biex jiddeċiedu l-futur tal-poplu Ukren wara kważi tliet snin ta’ gwerra.
Donald Trump qed joġġezzjona wkoll għall-protesti tal-Ukrajna għall-fatt li r-Rappreżentanti tagħha spiċċaw esklużi mit-taħditiet li saru fl-Arabja Sawdija bejn il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov u s-Segretarju tal-Istat Amerikan Marco Rubio… taħditiet li nisslu sodisfazzjon kbir fir-Russja li – minkejja li hi l-aggressur f’din il-gwerra – tidher li se tagħżel hi l-kundizzjonijiet għat-tmiem tal-konflitt fl-artijiet Ukreni.
L-osservaturi issa jaqblu li Trump jonqsu biss jakkuża ‘formalment’ lill-Ukrajna bħala l-kaġun għall-fatt li l-Armata tal-Kremlin qasmet mill-fruntiera lejn l-artijiet Ukreni.
Meta tkellem f’Mar-a-Lago, fi Florida, Donald Trump qal, fost oħrajn, li ‘l-Ukreni kellhom tliet snin biex iwaqqfu l-gwerra u meta (huma) ma messhom qatt wasslu għal din is-sitwazzjoni’.
Il-President Trump qed jidher li tilef is-sabar mal-Ukreni u fejn irrepeta kemm-il darba li l-Mexxejja tal-Ukrajna messhom ma ppermettew qatt għall-konflitt. Dan fost is-suġġeriment li Kiev messu qabel dwar il-konċessjonijiet lil Moska qabel daħlu l-ewwel tankijiet tal-gwerra f’artha, fi Frar tal-2022.
Kummenti bħal dawn qed jindikaw l-impenn ta’ Trump biex javviċina lir-Russja ta’ Vladimir Putin. Intant, qed jidher dejjem aktar imċajpar ir-rwol tal-Istati Uniti fl-Alleanza tan-NATO – sitwazzjoni simili għar-relazzjonijiet bejn Washington u l-Ewropa.
Is-sitwazzjoni qed tiggrava l-aktar meta wieħed iqis li l-pajjiżi tan-NATO jiddependu fuq it-tmexxija tal-Istati Uniti għat-tkattir tal-hekk imsejħa ‘umbrella’ tas-sigurtà u protezzjoni għall-membri tal-Alleanza.
Donald Trump qed jinsisti li kull negozjatur siewi kien jirnexxilu jsolvi l-kwistjoni tal-Ukrajna mingħajr telf ta’ ħajja – u meta ma naqasx milli jirrepeti mill-ġdid li ‘seta waqqaf l-invażjoni ta’ dan il-pajjiż li kieku kien hu l-President tal-Istati Uniti u mhux Joe Biden’.
Intant, il-President Amerikan qed jidher anki urtat għall-allegazzjonijiet li hu beħsiebu jinnegozja biss mar-Russja dwar it-tmiem tal-gwerra – u mingħajr ma jirriserva rwol għall-Ukrajna.
//= $special ?>