Il-qawwiet Iżraeljani, fl-aħħar sigħat, qerdu l-bini tal-appartamenti f’kamp għar-refuġjati fl-artijiet tax-Xatt tal-Punent li huma okkupati mill-qawwiet ta’ Benjamin Netanyahu. Dan fost il-kritika għall-miżuri tal-Gvern Iżraeljan relatati ma’ ‘missjoni militari’ li sal-lum irriżultat fl-għexieren tal-eluf ta’ Palestinjani refuġjati.
Mindu l-grupp tal-Ħamas, f’Ottubru tal-2023, qasam minn Gaza lejn Iżrael għall-akbar attakki terroristiċi fl-istorja, l-Iżraeljani ma waqfux mill-kampanja ‘militarizzata’ biex jinnewtralizzaw it-theddida tal-militanti li għandhom il-bażijiet anki fix-Xatt tal-Punent.
Il-Qawwiet tad-Difiża Iżraeljani, fl-istess ħin, bdew kampanja kbira mlaqqma ‘Ħajt tal-Ħadid’ u fejn qed jirrikorru wkoll għall-attakki mill-ajru bħala tattika li qabel ma ntużat kważi qatt fix-Xatt tal-Punent.
Il-Ministeru Iżraeljan għad-Difiża qed jgħid li l-kampanja qed tapplika ‘b’mod espliċitu’ l-lezzjonijiet tar-rejds ripettuti tal-Iżraeljani f’Gaza. Dan meta l-gwerra tal-Iżraeljani f’Gaza rriżultat fil-qerda ta’ 90 fil-mija tal-housing units fit-territorju.
Sadanittant, il-kampanja tal-qawwiet Iżraeljani fix-Xatt tal-Punent, għalissa, wasslet biex ‘il fuq minn 40,000 Palestinjan jabbandunaw djarhom u jgħixu bħala refuġjati – dejjem skont l-aħħar statistika tan-Nazzjonijiet Uniti.
//= $special ?>