Il-prezzijiet biex tikri post żdiedu. U n-numru ta’ persuni taħt l-24 sena li huma f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali żdied ukoll.
Dawn huma biss ftit mill-fatti li joħorġu b’mod ċar mir-rapport dwar l-Istrateġija Nazzjonali għal Tnaqqis fil-faqar u l-esklużjoni soċjali’ – rapport li ġie ppreżentat waqt konferenza li saret il-Ħamis filgħodu mill-Ministru Michael Falzon, u li fiha ammetta l-bżonn li jsiru aktar investimenti f’diversi oqsma; setturi li l-Gvern Laburista ħallihom għal riħhom.
Rigward il-faqar, fir-rapport issemma’ kif fl-2023, in-numru ta’ persuni taħt it-18-il sena li huma f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali żdied bi 2.1% mis-sena 2022, filwaqt li fl-istess perjodu, żdiedu bi 3.3% il-persuni bejn it-18 sal-24 sena.
In-numru ta’ persuni bejn it-18-il sena sa 64 sena li m’għandhomx xogħol u wkoll qegħdin f’riskju żdiedu b’7.4%. Il-persuni li qegħdin jaħdmu iżda jinsabu f’riskju ta’ faqar naqsu bi ftit fost l-irġiel, iżda żdiedu b’1.3% fost in-nisa.
Ir-rapport kixef ukoll il-housing crisis li għaddejjin minnha f’Malta, hekk kif bejn 2022 u 2023 il-piż tal-ispejjes għad-djar tela’ minn 2.9% għal 6%.
Il-prezz medju għal proprjetà tela wkoll minn €209,000 fl-2022 għal €228,000 fl-2023. Il-prezzijiet biex tikri telgħu ‘l fuq b’mod drastiku, minn 20% fl-2022 għal 38.3% fl-2023.
Fis-settur tal-edukazzjoni naraw li għalkemm in-numru ta’ studenti li lestew l-edukazzjoni primarja u sekondarja żdied, in-numru ta’ persuni li lestew il-livell post-sekondarja naqas bi ftit. Fl-edukazzjoni terzjarja naraw li ftit inqas irġiel lestew xi kors partikolari.
Aspett ieħor li ssemma’ fir-rapport hu dak dwar il-ħaddiema barranin f’Malta. Fil-fatt, in-numru ta’ barranin li ġejjin minn pajjiżi terzi żdied għal kważi 95,000 fl-2023 minn ftit iżjed minn 62,000 fl-2022.
//= $special ?>