Lokali

“Angelo Gafà huwa responsabbli għall-impunità fil-każ kontra s-sieħeb fin-negozju ta’ Robert Abela” – PN

Minflok ġarr ir-responsabbiltà għall-oxxenità li minħabba fiha waqgħu l-akkużi kontra s-sieħeb fin-negozju tal-Prim Ministru Robert Abela, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà rrefera l-każ lil bord maħtur mill-Gvern biex mingħalih joħroġ nadif minn din l-istorja.

Hekk sostnew Karol Aquilina, ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja; u Darren Carabott, ix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi; fi stqarrija fejn spjegaw li għall-Partit Nazzjonalista huwa ċar li din il-mossa tal-Kummissarju Gafà hija tentattiv iddisprat biex isalva ġildu billi jfarfar ir-responsabbiltà fuq ħaddieħor.

Il-Partit Nazzjonalista jinsab infurmat li l-Ispettur tal-Pulizija li fuqu qed jipprova jfarfar kollox Gafà, fil-passat kien investigat fuq attentat ta’ cover-up bl-iskop li jkunu protetti politiċi tal-Partit Laburista u persuni qrib tagħhom. Fl-2017, dan l-istess Spettur kien tkeċċa mill-Korp b’deċiżjoni tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku dwar każ separat. L-ispettur li Gafà jrid ifarfar kollox fuqu reġa’ ddaħħal fil-Korp fi żmien meta l-istess Angelo Gafà kellu r-responsabbiltà amministrattiva tal-Korp bħala l-Kap Eżekuttiv tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota wkoll li l-Kummissarju Gafà ma talabx biex dan il-każ ikun investigat minn Maġistrat permezz ta’ Inkjesta Maġisterjali. Din hija prova oħra ċara li Gafà ma jridx li toħroġ il-verità kollha dwar dan il-każ. Għal din l-imġiba ta’ Gafà spjegazzjoni waħda hemm: li hu mwerwer li investigazzjoni suret in-nies tista’ twassal għal akkużi kriminali fil-Qorti u tista’ twassal ukoll għalih.

Għalhekk, għall-Partit Nazzjonalista huwa inaċċettabbli li pajjiżna jibqa’ b’Kummissarju tal-Pulizija għalkollox kompromess, li quddiem każ ieħor daqstant lampanti ta’ impunità qed ifittex rifuġju f’bord maħtur mill-Gvern.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li llum m’hawn ħadd f’pajjiżna li jemmen li dan il-każ u oħrajn bħalu huma sempliċi “żbalji”. Il-poplu, inkluż ħafna pulizija tal-affari tagħhom, għandu raġun ikun irrabjat għall-impunità li qed jiggarantixxi l-Kummissarju Angelo Gafà lill-politiċi Laburisti u l-ħbieb tagħhom.

Il-PN itenni l-fehma tiegħu li l-pożizzjoni ta’ Angelo Gafà bħala Kummissarju tal-Pulizija m’għadhiex tenibbli u messu ilu li warrab jew tneħħa.