Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa ġie maħtur fil-Bord tal-Fondazzjoni Robert Schuman, iċ-ċentru ta’ riċerka prestiġjuż li jappoġġja t-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-politika tal-Unjoni Ewropea fl-ogħla livelli. Il-Bord jiġbor flimkien diversi personalitajiet b’esperjenza fit-tfassil tal-politika, inklużi Membri Parlamentari Ewropej ta’ esperjenza, Eks Prim Ministri u diplomatiċi stabbiliti.
“Il-Fondazzjoni Robert Schuman għandha rwol kruċjali fit-tfassil tal-futur tad-demokrazija Ewropea billi tippromwovi r-riċerka, id-dibattitu u l-iżvilupp tal-politika bbażati fuq il-prinċipji ta’ Robert Schuman, wieħed mill-fundaturi tal-Unjoni Ewropea. Għalija huwa unur li ġejt maħtur fil-Bord, li huwa wkoll rikonoxximent tar-rwol li l-Partit Nazzjonalista qed ikompli jkollu fil-politika Ewropea. F’mument meta l-Ewropa qed tiffaċċja sfidi kbar, Malta jrid ikollha vuċi b’saħħitha fit-tfassil tal-futur tagħha,” qal Casa.
L-inklużjoni ta’ David Casa fil-Bord issaħħaħ il-preżenza ta’ Malta f’diskussjonijiet Ewropej ewlenin u tirrifletti l-fiduċja li qed tingħata lill-esperjenza u d-dedikazzjoni tiegħu għall-proġett Ewropew.
David Casa, li ilu Membru tal-Parlament Ewropew sa mill-2004, dejjem ħadem biex javvanza l-interessi ta’ Malta fi Brussell. Fost il-kisbiet ewlenin tiegħu Casa ħadem fuq leġiżlazzjoni li żiedet id-drittijiet tal-ġenituri u tal-ħaddiema, it-tisħiħ tal-libertà tal-midja u l-protezzjoni tal-ġurnalisti, kif ukoll il-ġlieda kontra t-tnaqqir tas-saltna tad-dritt f’pajjiżna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech feraħ lill-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew għal dan ir-rwol ġdid tiegħu u qal li din hija turija tal-fiduċja li jgawdu l-MEPs tal-PN fuq livell Ewropew.
//= $special ?>