Ħu Kurt Grech li flimkien ma’ missieru għaddejjin ġuri fuq omiċidju, kien żvela li kien “fi stat ta’ paniku, u wara l-aggressjoni qabad il-karozza ta’ ħuħ u mar jaħsilha mid-demm.” Huwa kien qal ukoll li wara mar jipparkja l-karozza ‘l bogħod.
Dan irriżulta minn xhieda li ta kuntistabbli mill-RIU quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, fit-tielet jum tal-ġuri fejn Joseph Grech ta’ 61 sena u ibnu Kurt ta’ 31 sena magħruf bħala “in-Nemes”, jinsabu akkużati li qatlu lil Brandon Pace, missier ta’ tlett itfal li kellu 21 sena, u li kien magħruf bħala “Il-Galalli”. Huma qed jiġu mixlija b’seba’ Kapi ta’ akkuża.
Ix-xhud qal li r-residenza tal-familja ta’ Grech kienet mgħammra bil-cameras fuq barra u għalhekk il-Pulizija kienu konxji li s-suspettati setgħu jarawhom minn ġewwa. Qal ukoll li l-missier, Joseph Grech, kellu riħa qawwija ta’ alkoħol.
Ħut l-akkużat Kurt Grech kienu xehdu li dakinhar, il-familja kollha kienet qed tara t-tiġrijiet taż-żwiemel il-Marsa. Kif spiċċaw, ħutu telgħu biż-żiemel ir-razzett, meta f’xi ħin irċevew telefonata dwar l-argument li kien seħħ bejn ħuhom u Brandon Pace.
Kienu qalu li meta waslu d-dar t’ommhom u missierhom, raw lil ħuhom iż-żgħir miksi bid-demm u kellu ferita f’sidru. Wieħed mill-aħwa xehed li kien “fi stat ta’ paniku, qabad il-karozza ta’ ħuħ, mar jaħsilha mid-demm u wara pparkjaha ‘l bogħod mix-xena tad-delitt”.
Il-Ħamis xehdet Jessica Bilocca, l-eks tfajla tal-akkużat Kurt Grech u t-tfajla ta’ Pace, dak iż-żmien li seħħ il-każ. Ix-xhud dehret fil-preżenza tal-Avukat tagħha Arthur Azzopardi u talbet lill-Qorti biex ix-xhieda tagħha ma tkunx ippublikata.
L-Avukat Azzopardi argumenta li din it-talba kienet qed issir sabiex ikun protett l-iben minuri li għandhom ix-xhud u Kurt Grech. Il-Qorti lagħqet it-talba u nfurmat lill-midja preżenti fl-Awla, li ma kienx permess joħorġu d-dettalji tax-xhieda ta’ Jessica Bilocca.
Skieken kbar użati minn naħa tal-akkużati bil-vittma jispiċċa jaqla’ daqqa ta’ sikkina f’daru
Sadanittant xhud li kien fil-viċinanzi u ra l-argument u l-aggressjoni kollha qal, li fil-bidu tal-argument, ra persuna bi flokk abjad li kellu d-demm. Mistoqsi mid-difiża jekk kienx Brandon Pace, ix-xhud ċaħad u żied li Pace ma kienx libes flokk.
Xhud ieħor kienet Donna Pace, oħt Brandon Pace, li qalet li għamlet minn kollox biex twaqqaf lil ħuha milli jmur għal Kurt Grech iżda t-tnejn żelqu, waqgħu u Kurt u missieru Joseph qabżu fuqu bis-skieken. Qalet li ħuha kellu sikkina żgħira iżda l-akkużati kellhom skieken pjuttost kbar.
Ix-xhud qalet li tiftakar li sa dak il-hin ma kinitx għarfet liż-żewgt irgiel, li bdew isawwtu lil ħuha. Hija għarfithom, meta ħuha qam, mexa sal-bieb u x’ħin serraħ mal-koxxa tal-bieb, Joseph Grech ġie minn warajh u tah daqqa ta’ sikkina ġo daru.
Qalet dak il-ħin ma felħitx, daret u tagħtu daqqa ta’ ponn. Waqt il-kontro eżami, id-difiża staqsiet diversi mistoqsijiet, b’mod partikolari, fejn kienet spiċċat is-sikkina ta’ Brandon Pace. Oħtu qalet li ma tafx x’sar minnha sal-illum il-ġurnata.
F’dan il-ħin id-difiża fakkret lix-xhud li f’xi ħin dehret dieħla fil-karozza tagħha u il-pulizija tal-forensika sabu d-demm ta’ ħuha mal-‘glove compartment’. Id-difiża ssuġġeriet li x-xhud daħlet fil-karozza bis-sikkina ta’ Brandon biex tmur taħbiha. Donna Pace ċaħdet dan kollu u qalet li daħlet fil-karozza għax l-istint tagħha kien “li ssuq fuq l-irġiel”.
Il-vittma kien inqatel quddiem ommu u t-tfajla tiegħu wara argument bejn żewġ familji. Huwa ngħata ħames daqqiet ta’ sikkina, b’dik fatali tkun daqqa ta’ sikkina f’qalbu. Il-qtil sar fi Triq Giovanni Barbara. It-tnejn qed jiġu akkużati b’omiċidju volontarju, feriti gravi, pussess ta’ arma, li hija sikkina, pussess ta’ strument bil-ponta, li kisru l-paċi pubblika u l-buon ordni, li heddu u insulentaw lill-qraba tal-vittma.
L-att tal-akkuża tgħid li l-vittma kien instab mimdud fl-indana ta’ blokka ta’ appartamenti f’għadira demm. Ġie stabbilit fuq ix-xena tad-delitt, li ftit tal-ħin qabel, il-vittma Brandon Pace kellu argument ma’ Kurt Grech fejn dan kien mar quddiem il-blokk tal-appartament fejn kien hemm Jessica Bilocca, fi Triq Giovanni Barbara.
Hemm kien ġie skambjat xi tgħajjir u theddid bejn Jessica Bilocca u Lisa Pace li kienu ħarġu fil-gallerija tal-appartament u Kurt Grech, li kien fl-appartament fejn kien hemm ukoll l-għarus ta’ Jessica Bilocca, Brandon Pace, li malli ra xkien qed jiġri ddeċieda li jinżel isfel biex jikkonfronta lil Kurt Grech.
Irriżulta li barra flimkien ma’ Kurt Grech, kien hemm ukoll missieru Joseph Grech u ommu Anna Maria Grech, li fi ftit minuti Brandon Pace, Kurt Grech, Joseph Grech u Anna Maria Grech spiċċaw f’għoqda waħda, fejn f’ħin minnhom Brandon Pace deher jaqa’, b’Kurt Grech jaqbeż fuqu.
Irriżulta wkoll li kemm Kurt Grech kif ukoll Brandon Pace, użaw is-skieken li kellhom fuqhom bil-konsegwenza li Brandon Pace safa maqtul fuq il-post. Skont xhieda fuq il-post, fosthom omm Brandon, Lisa Pace, stqarrew mal-Pulizija, li meta Brandon Pace pprova jidħol ġewwa l-blokka raw lil Joseph Grech jagħti l-aħħar daqqa ta’ sikkina f’dahar Brandon.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kevin Valletta u Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali; l-akkużati qed jiddefenduhom l-Avukati Roberto Montalto, Edward Gatt u Kathleen Grima, filwaqt li l-Avukati Ishmael Psaila u Rachel Tua qed jidhru għall-familja tal-vittma. Il-ġuri jkompli l-Ġimgħa filgħodu.
//= $special ?>