Il-poplu Malti u Għawdxi kollu warajk. U jien se nkun qed insegwik.
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt laqgħa li kellu ma’ Miriana Conte, ir-rebbieħa tal-Malta Eurovision, li se tkun qed tkanta fit-tieni semi finali ta’ Mejju li ġej bil-kanzunetta ‘Kant’.

Miriana Conte minn naħa tagħha qalet li issa li rebħet dan il-konkors, ix-xogħol żdied sabiex f’Mejju s-serata tkun perfetta.
Il-kantanta ta’ 24 sena qalet li din kienet ħolma li saret realtà, filwaqt li spjegat li l-prestazzjoni tagħha li ddeskriviet bħala waħda outside the box, kienet tirrikjedi ħafna preparamenti – kemm mil-lat fiżiku, kif ukoll vokali u anke mentali.
Miriana Conte kienet akkumpanjata għal din il-laqgħa minn Anna Bonett u Gordon Bonello, li spjega li din kienet kanzunetta li ġiet kreata fil-Eurovision Song Contest Music Exchange Camp fejn numru ta’ kanatanti – fosthom Miriana – kellhom l-opportunita li jaħdmu ma’ producers u song writers barranin.

Intant, waqt din il-laqgħa flimkien max-Shadow Minister Julie Zahra, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li kantanti bħal Miriana Conte għandhom jingħataw l-appoġġ finanzjarju kollu li għandhom bżonn speċjalment f’dan iż-żmien – perijodu li fih il-kantanta żagħżugħa se tħalli kollox biex tiffoka primarjament fuq il-festival.
